Ifalli attentat ta' karozza bomba fil-Fgura
Hu mifhum li sid il-karozza hu magħruf sew mal-Pulizija
More in Kronaka
Hu mifhum li sid il-karozza hu magħruf sew mal-Pulizija
Membri mill-Korp tal-Pulizija flimkien ma' uffiċjali mis-sezzjoni tat-Taqsima ta' Kontra l-Bombi tal-Forzi Armati ta' Malta, ilbieraħ filgħaxija kienu impenjati ferm, f'ħidma biex jinvestigaw każ ta' bomba li tqegħdet taħt karozza li kienet ipparkjata fil-Fgura u li għalkemm ġiet attivata, falliet milli tisplodi.
Rapporti preliminari jindikaw li l-Pulizija ssejħu fi Triq Sant'Antnin fil-Fgura għall-ħabta tas-6.30 ta' filgħaxija. Skont l-ewwel dettalji li dan is-sit kellu jidher li l-bomba nstabet wara li beda jinstema' ħoss stramb ġej mill-karozza, li kienet ilha pparkjata fl-istess triq għal bosta jiem.
Kmieni dalgħodu fi stqarrija, l-Pulizija qalu li mill-investigazzjonijiet preliminari li saru fuq il-post, innutaw oġġett biswit vettura tal-għamla Mitsubishi Shogun, li qajjem suspett li seta' jkun ta’ periklu u għalqdaqstant ingħalqet t-triq u ġew imsejħa membri mill-Forzi Armati ta’ Malta.
L-esperti forensiċi wkoll kienu jinsabu fuq il-post bil-għan li jiksbu kull evidenza li tista' tkun kruċjali għall-investigazzjoni tal-Pulizija.
Hu mifhum li sid il-karozza huwa Għawdxi u magħruf sew mal-Pulizija.
Fi stqarrija, il-Gvern ħareġ qal li l-forzi tal-ordni kienu impenjati f'ħidma biex jeliminaw kull periklu possibli. Qal ukoll li hu impenjat biex jinstab min kien responsabbli ta' dan l-att, li ddeskrivieh bħala att kodard, u li seta' kellu konsegwenzi gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera ġiet infurmata bil-każ u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.