Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb, huwa l-ewwel film Malti addattat għall-familja, miktub minn Ruth Frendo.
Il-film hu bbażat fuq l-istorja ta' grupp ta’ tfal u l-għalliema tagħhom li sparixxew b’mod misterjuż f’labirint taħt l-art waqt ħarġa tal-iskola.
Pia, orfni li tkun tgħix maz-zija Raquel tisma' l-leġġenda, li l-għoġol tad-deheb li jissemma' fil-Bibbja, jinsab moħbi f'Malta, u għalhekk tiddeċiedi li tibda tfittxu. B’hekk Pia u l-kuġin tagħha Sandro, li xejn mhu kunfidenti, jibdew l-avventura mimlija misteri.
Din l-avventura twassalhom biex jiskopru sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom ikunu ilhom is-snin jaħbu.
Il-film inħadem fuq medda ta' sitt snin taħt id-direzzjoni ta' Alenka Falzon u bl-għajnuna ta' fondi mill-Malta Film Fund. L-atturi jinkludu li Neve Mansueto, Aiken Buhagiar, Henry Zammit Cordina, Christabelle Scerri, Deandra Agius u Mandy Micallef Grimaud.
Il-kompożitur huwa Sam Hayman filwaqt li d-direttur tal-animazzjoni huwa Christ Scicluna.