Taljan ta’ 24 sena sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-6 fi Triq l-Imdina meta ż-żagħżugħ li huwa resident Birkirkara, kien qed isuq mutur u kellu impatt ma’ 4x4 misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ.
Fuq il-post issejħet għall-assistenza tal-Pulizija kif ukoll ta’ tim mediku b’ambulanza li ħadu lit-Taljan l-isptar Mater Dei għall-kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.