Illum, għall-ħabta tal-3:50 pm il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa sit ta’ kostruzzjoni fi Trejqet il-Bajja, San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 53 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ, safa’ ferut wara li għal xi raġuni waqgħet blata fuqu waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fl-istess sit.
Fuq il-post issejħu l-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ team mediku sabiex jassistu. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.