Assistent kap ta' skola 'jaqlagħha' għax qala' xebgħa

Il-UPE ssaqsi lil Ministeru lil min qed jipproteġi

Assistent kap ta’ skola ġie attakkat minn uffiċjal tas-sigurtá wara li wissieh biex ma jpejjipx u skont il-Unjin il-ġdida għall-Edukaturi Professjonali, minflok ġie protett, l-assistent kap tneżża’ mir-responsabbilitajiet u l-irwol li kellu.

Skont il-unjin, il-każ seħħ madwar ħmistax ilu fil-Higher Secondary School fin-Naxxar.

Fi stqarrija, il-unjin saħqet li l-assistent kap kien verbalment u fiżikament attakkat mill-uffiċjal tas-sigurtá u minnufih informa lis-superjuri tiegħu dwar l-inċident.

Iżda, dejjem skont il-unjin, it-tmexxija tal-iskola mhux talli ma investigatx il-każ, talli l-assistent kap ġie interrogat mis-superjuri tiegħu u anke minn min iħaddem lill-uffiċjal tas-sigurtá.

Jidher li s-superjuri tal-iskola bdew jaqbżu u jippruvaw jiġġustifikaw l-aġir tal-uffiċjal tas-sigurtá.

Fi stqarrija ntqal kif il-unjin għamlet kuntatt mas-segretarjat permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex ikun hemm investigazzjoni serja dwar dan il-każ iżda skontha, baqgħet mingħajr risposta.

Minflok, il-unjin ġiet infurmata li l-assistent kap ingħata rwoli oħra u tneħħewlu r-responsabbilitajiet li kellu.

“Aħna skantati kif il-Ministeru, minflok jipproteġi lill-persuna attakkata, qed jipproteġi lill-aggressur,” saħqet il-unjin.

Temmet tistaqsi għalfejn il-Ministeru qed jibża’ jordna investigazzjoni dwar dan u għalfejn l-eksassistent kap qala’ transfer.

"L-MUT tikkundanna kull attakk fuq l-edukaturi"

B'reazzjoni, il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), ikkundannat kull forma ta' attakk kontra l-edukaturi.

Fi stqarrija, l-MUT saħqet li ilha snin tgħin numru ta' edukaturi li kellhom każijiet simili u hekk se tkompli tagħmel.

More in Kronaka