20 sena wara; Il-midja tal-Partit Laburista mġiegħla tħallas multa ħoxna lill-PRS

...xhur wara li dan is-sit ippublika diversi stejjer, ilmenti u argumenti dwar is-suġġett...illum il-Qorti ssostni d-dritt tal-artist li jagħmel qliegħ u l-PRS li jiġbor dan għalih

Il-ONE TV u l-ONE Radio jaqilgħuha...
Il-ONE TV u l-ONE Radio jaqilgħuha...

Il-Qorti għadha kif ikkundannat lill-istazzjonijiet tal-Partit Laburista, jiġifieri l-ONE TV u r-Radju ONE  b'multa ta' €108,000 li trid tħallas lill-kumpanija Performing Rights Society (PRS). Il-PRS, f'isem l-artisti li tirrapreżenta, fetħet dan il-każ fl-1998, prattikament 20 sena ilu. 

Din il-kumpanija tiġbor ħlas għad-drittijiet li jitħallsu lill-awturi, kantanti, kompożituri jew kull artist ieħor li x-xogħol tiegħu jintwera' jew jinstema' fuq xi mezz ta' xandir. 

Lilhinn mill-Qorti din il-kwistjoni qamet għall-ewwel darba fuq il-gazzetta ILLUM u dan is-sit meta negozjant partikolari kien ipprotesta kontra l-ħlas tal-miżata li kien irċieva minħabba li fil-ħanut tax-xagħar jixgħel ir-radju. Hu sostna li n-negozju tiegħu huwa tax-xagħar, mhux xi klabb allura ma jarax għalfejn għandu jħallas biex jixgħel ir-radju. 

Iktar tard dan is-sit kien żvela wkoll kif il-GRTU kienet se tiddiskuti dak li ddiskreviet bħala numru kbir ħafna ta' ilmenti ta' negozji li ħassew illi ma kellhomx iħallsu dawn il-flus għax jixgħelu r-radju fil-ħanut u jdoqqu l-mużika, speċjalment meta n-natura tan-negozju mhux wieħed li jiċċentra mad-daqq tal-mużika.

Fuq in-naħa l-oħra  l-artisti u dawk li jirrapreżentawhom fakkru illi l-mużika tkun qed tintuża, anke jekk indirettament, biex in-negozju jagħmel aktar flus, billi joħloq ambjent iktar pjaċevoli. Dan apparti li l-flus imorru biex l-artist jitħallas ta' xogħolu.  

Il-PRS ressqu lill-midja tal-Partit Laburista l-Qorti talli kissru r-regoli tal-copyright. Il-PRS akkużat lil ONE TV u Radio illi kontinwament kissru d-drittijiet tal-awturi li wassal għal ammonti kbar ta' flus b'lura saħansitra sal-1998. 

Oriġinarjament it-talba tal-PRS kien għall-ħlas ta' €364,616 li jkopri l-perjodu 2010-2016, hi kienet qed titlob lill-istazzjonijiet iħallsu għas-snin 2010-2012. Il-PRS ikollha tiftaħ każ separat għas-snin l-oħrajn. 

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-PRS li l-ONE jkun projbit milli juża materjal ta' artisti għax inkella dan ikun ifisser li l-istazzjon ikollu, kważi, jieqaf ixandar. 

 

 

More in Kronaka