Tifel u żewġ persuni jweġġgħu f'inċident f'Għawdex

Wieħed mill-persuni mweġġa' kellu jittieħed Mater Dei b'ħelikopter

Ritratt: Josef Cutajar
Ritratt: Josef Cutajar

Tliet persuni, fosthom tifel ta' 3 snin, weġġgħu f’inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem.

Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li kien hemm ħabta bejn karozza misjuqa minn anzjan ta’ 71 sena, vettura misjuqa minn raġel ta’ 33 sena mix-Xewkija li flimkien miegħu kien hemm mara ta’ 32 sena u tilef ta’ 3 snin.

Il-persuni kollha involuti f’dan l-inċident ittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura, fejn iżjed tard, it-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, il-mara qed issofri ġrieħi ħfief u r-raġel ta’ 33 sena ma sofra l-ebda ġrieħi.

L-anzjan ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u għaldaqstant huwa ttieħed ġewwa l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka