Erba’ persuni ġew arrestati wara li fil-karozza li kienu fiha nstabu sustanzi suspettati raża tal-kannabis, kif ukoll numru ta’ boroż tal-plastik allegatament bil-pjanta tal-kannabis ġo fihom, lesti biex jiġu ttraffikati.
L-arrest seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-inħawi tal-Biċċerija, il-Marsa.
L-erbat irġiel huma mis-Somalja u għandhom bejn it-22 u s-26 sena.
Bħalissa qed jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.
Mhux eskluż li wħud mill-persuni arrestati jitressqu l-Qorti akkużati bil-pussess tad-droga mhux għall-użu personali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.