Mara ta' 33 sena li kienet qed titfa' messaġġi fuq il-paġna ta' Facebook li jisimha 'Min ipartat u min ibiegħ' spiċċat f'baħar inkiwet hekk kif kienet akkużata illi qed tirċievi numru ta' fwejjaħ misruqin, li mbagħad pruvat tbiegħ fuq din l-istess paġna.
Il-mara, li kienet qed tuża profil falz ta' Facebook, instabet ħatja li kienet li qed tirċievi dawn l-oġġetti misruqin minn ħanut fil-Ħamrun.
Il-Maġitstrat Doreen Clarke semgħet kif il-fwejjaħ kienu qed jiġu nieqsa minn dan il-ħanut partikolari, sakemm permezz ta' telefonata anonima xi ħadd ċempel lil impjegata li taħdem fil-ħanut u spjegat kif ġara tagħha kienet qed tisraq fwejjaħ mill-ħanut u tbiegħhom fuq Facebook. Il-prodotti dehru fuq il-paġna 'Min ipartat u min ibiegħ'.
Meta kien ċar li t-telefonata kienet qed tagħti informazzjoni li hija minnha, ssejħu l-Pulizija
L-akkużata, waqt li kienet qed tkun interrogata, qalet li hi kienet qed iġġib dawn il-fwejjaħ mingħand raġel Afrikan, iżda qalet ukoll li ma tafx x'jismu jew x'inhu in-numru tiegħu minħabba li kien iċempillha private number.
Il-Maġistrat iddeskriviet dak li qalet l-akkużata bħala kontradittorju u li x-xhieda tagħha ma kinitx kredibbli.
Il-Qorti ddikjarat lill-akkużata ħatja li serqet oġġetti u ġiet ordnata tħallas lura l-€86.95, filwaqt li ingħatat libertà proviżorja għal sentejn. Il-Qorti pproċediet biss fuq żewġ oġġetti għalkemm mhux ċar jekk kienx hemm iktar affarijiet misruqin. Il-prosekuzzjoni esebiet evidenza dwar żewġ oġġetti biss.