Kuntistabbli tal-Pulizija, li rriżenja mill-Korp dalgħodu, deher imbikkem meta tressaq akkużat li stupra u ffastidja kollega tiegħu fl-istess għassa li fiha kienu stazzjonati.
Jinsab akkużat ukoll li ftit tal-jiem ilu akkatta sesswalment pulizija oħra f’karozza tas-servizz.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ stupru, arrest illegali, fastidju sesswali u li wettaq reat li hu kellu dmir li jipprevjeni.
L-Avukat tal-akkużat, Alfred Abela, talab lill-Qorti biex ma jiġux imxandra d-dettalji tal-akkużat minħabba riperkussjonijiet li jista’ jkun hemm fuq il-vittmi. Il-prosekuzzjoni qablet u l-Qorti ordnat lill-midja biex ma xxandar l-ebda dettall.
Id-difiża talbet li fl-ewwel smigħ, li se jsir għada, il-vittma titla’ tixhed.
Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni saħqet li se tkun qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, fosthom għax tibża’ li jista’ jweġġa’ lilu nnifsu.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.
Ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi involuti fil-każ.
L-uffiċjal kien ilu fil-korp tal-Pulizija tliet snin u wettaq dan l-allegat stupru xhur ilu. Wieħed mill-attakki allegatament seħħ f'karozza tal-Pulizija ftit jiem ilu.