Każ ta' libell li fetaħ iċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri kellu jkun pospost għal Mejju wara li dan ma deherx l-Qorti, dalgħodu.
L-awla kienet mimlija nies, inkluż ġurnalisti, lesti biex jisimgħu x-xhieda ta' Schembri. Iżda fl-10:30 am meta suppost kellu jibda jinstema' l-każ, l-Qorti kienet infurmata li Schembri ma setax jattendi.
Fi tweet ftit tal-ħin ilu Schembri sostna li l-Kap tal-PN qatt m'għamel rikjesta formali biex jitla' jixhed. Huwa qal li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil għadu m'aċċettax li wassal lil PN gġall-akbar telfa fl-istorja.
Il-libell kien fetħu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru stess wara dimostrazzjoni li matulha l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien semma lil Schembri.
F'xhieda li kien diġa ta' Busuttil fuq dan il-każ kien insista li l-protesta kienet diretta lejn il-Gvern kollu u allura ssemma' Schembri fid-dawl tal-fatt li hu kien sid ta' kumpanija reġistrata l-Panama. Busuttil kien irrimarka fil-Qorti illi Schembri kellu rwol kbir x'jilgħab f'kuntratti ffirmati mill-Gvern preżenti, inkluż mal-Electrogas u l-iffirmar ta' PPP mal-VGH.
Schembri, fil-Qorti, kien innega dan kollu u qal illi kieku l-iskop tiegħu kienu l-flus kien jibqa' jmexxi l-kumpaniji illi kellu, bejn 12 u 13. Schembri kien ipprotesta li kellu jiffaċċja ġuri mill-midja.
L-Avukati Pawlu Lia, Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għal Schembri.
L-Avukat Peter Fenech qed jassisti lil Busuttil.