Żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Ġorġja nżamm taħt arrest wara li allegatament seraq mobile minn karozza pparkajta f’San Ġiljan.
Fil-Qorti l-ispettur Nikolai Sant spjega kif kien ħaddiem tal-kostruzzjoni fuq skaffolding li informa lill-Pulizija li hu ra l-akkużat jiftaħ il-karozza u jieħu l-mobile minn Fuq is-seat.
L-ispettur kompla jgħid kif l-istess ħaddiem prova wkoll jwaqqaf lill-akkużat pero ma rnexxielux. L-akkużat ġie arrestat ġurnata wara li l-istess ħaddiem reġa' lemhu.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għal-akkużi kontrih , filwaqt li l-avukat tiegħu, Victor Bugeja, talab il-libertà proviżorja.
Minkejja dan l-Ispettur Sant oġġezzjona għar-libertà taż-Żagħżugħ , minħabba l-fatt li l-akkużat ma kellu l-ebda indirizz fiss. L-avukat Bugeja spjega li ħabib tal-akkużat aċċetta li joffri akkomodazzjoni sakemm ikun hemm il-proċeduri kriminali. "Barra minn hekk, m'hemm l-ebda biża 'li joqrob ix-xhieda bħala x-xhud u l-akkużat ma jafx lil xulxin," qal l-avukat. Il-qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja.