Illum għall-ħabta tal-10 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel li l-identita` tiegħu għadha mhiex magħrufa, kien waqa’ minn għoli ta’ madwar tliet sulari, waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni.
Tim mediku, flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa fuq il-post, sabiex jassistu lill-vittma.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.