Aġġornata (7): Tnejn mejta u 50 jingħataw il-kura, fosthom tfal
Inċident kbir iktar kmieni fi Triq Valletta ż-Żurrieq wara li double decker intlaqtet minn siġra....
More in Kronaka
Inċident kbir iktar kmieni fi Triq Valletta ż-Żurrieq wara li double decker intlaqtet minn siġra....
Ilejla: Ftit tal-ħin ilu l-Ministru Chris Fearne qal illi b'kollox kienu 50 il-persuni li weġġgħu jew kellhom bżonn jiddaħħlu l-Isptar jew il-polyclinic, apparti tnejn mejtin, wara l-inċident iktar kmieni illum fiż-Żurrieq. Il-Ministru Fearne żvela kif minn dawn il-50, 19-il pazjent iddaħħlu l-klinika ta' Raħal Ġdid u 31 l-isptar Mater Dei. Fost dawn kien hemm bejn 12 u 13-il tifel u tifla qal Fearne. Erba' minn dawn il-pazjenti jinsabu l-ITU.
Numru ta' pazjenti se jkunu qed jinħarġu mill-isptar iktar tard, hekk kif il-ġrieħi kienu ħfief. Filwaqt li hemm persuna li għaddejja fuqu operazzjoni.
Iż-żewġ persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom f’dan l-inċident ġew identifikati bħala Spanjola ta’ 37 sena u Belġjan ta’ 62 sena. Is-sitt persuni li ttieħdu l-isptar Mater Dei għall-aktar kura ġew identifikati bħala 3 Ingliżi; żewġ subien ta’ 6 u 8 snin u raġel ta’ 44 sena, Ġermaniża ta’ 31 sena, Taljana ta’ 72 sena u raġel ta’ 35 sena li n-nazzjonalita’ tiegħu għadha ma ġietx stabbilita’. Dawn is-sitt persuna ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
Il-vettura kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta' 24 sena
Iktar Kmieni: 50 persuna qed jingħataw il-kura wara li vettura double-decker għaddiet minn taħt siġra li laqtet uħud minn dawk li kienu fuqha.
L-inċident seħħ fi Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq għall-ħabta tal-4:15pm.
F'Mater Dei l-inċident qed ikun meqjus bħala wieħed maġġuri.
Kien għalhekk li Mater Dei qed jappella lill-pubbliku biex kemm jista' jkun jevita li jmur fiż-żoni tal-Inċidenti u l-Emerġenza tal-Isptar jekk mhux verament għall-bżonn.
Apparti minn hekk Mater Dei fetaħ helpline apposta: 25454286.
Apparti l-għaxar ambulanzi li ssejħu fuq il-post, kien hemm ukoll il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li niżżlu lil dawk feruti minn fuq it-tieni sular tal-vettura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr M. Vella ġiet infurmata dwar dan l-inċident u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.
Nota: Il-vettura tat-Trasport Pubbliku li tidher fir-ritratt ma kellha xejn x'taqsam mal-inċident, iżda twaqqfet minn Pulizija biex tgħabbi xi passiġġiera li kienu abbord id-double-decker.