Il-Gvern se jkun qiegħed jagħti parir lill-President ta’ Malta biex taħtar lill-Imħallef Joseph Azzopardi bħala l-Prim Imħallef il-ġdid u suċċessur tal-Prim Imħallef attwali Dr Silvio Camilleri. Hu mistenni li l-aħħar ġurnata tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri fil-kariga tiegħu tkun nhar il-25 ta’ April, 2018, u jirtira hekk kif jagħlaq il-65 sena, skont kif provdut fil-kostituzzjoni. Il-Prim Imħallef il-ġdid jinħatar fil-ġurnata ta’ wara, fis-26 ta’ April, 2018.
Fl-għażla tal-Imħallef Joseph Azzopardi, il-Gvern żamm lill-Oppożizzjoni kontinwament aġġornata. L-Imħallef Azzopardi twieled l-Isla fit-8 ta’ April, 1955 u ngħata l-warrant biex jeżerċità l-professjoni ta’ avukat fil-11 ta’ Jannar, 1980.
Huwa pprattika estensivament bħala avukat fil-qrati u kien ukoll konsulent legali ta’ diversi korporazzjonijiet pubbliċi bħal-Lohombus Bank u l-Awtorità għat-Trasport. Kien ukoll l-ewwel President tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ fl-1980.
Huwa serva wkoll bħala direttur tal-Mid Med Bank bejn l-1980 u l-1987 u fil-Bord tal-Awtorità tad-Djar bejn l-1997 u l-2003. Kien elett bħala membru tal-Kamra tal-Avukati fl-1998 u bħala president tal-istess Kamra fl-2000.
Huwa nħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri fit-23 ta’ Mejju, 2003 u serva fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-Qorti tal-Familja u s-Sekond’ Awla tal-Qorti Ċivili sakemm fi Frar tas-sena 2013 huwa ġie maħtur mill-Prim Imħallef biex iservi bħala imħallef fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Ilu mill-2010 membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’għażla tal-imħallfin stess.
Huwa miżżewweġ lil Maria née Attard u għandu tifla, Annalies.