Traġedja Żurrieq | 'Se ninsistu sal-aħħar li ssir ġustizzja' - Il-qraba tal-vittma

Elisaveta Avdala hija l-Ispanjola li tilfet ħajjitha fit-traġedja taż-Żurrieq ta’ nhar it-Tnejn li għadda

Elisaveta Avdala hija l-Ispanjola li tilfet ħajjitha fit-traġedja taż-Żurrieq ta’ nhar it-Tnejn li għadda, li fiha tilef ħajtu wkoll raġel Belġjan li kien fuq btala f’Malta.

Il-kuġina ta’ Avdala, Petia Rousseva kitbet lill-ILLUM tisħaq li l-familja u l-qraba tagħha se jibqgħu jinsistu li jsiru jafu kif seħħ l-inċident u sal-aħħar se jinsistu li ssir ġustizzja.

“Se nagħmlu dan għax nafu illi li kieku hi kienet ħajja kienet se tagħmel l-istess,” saħqet Avdala.

Skont Avdala, il-vittma kellha tirritorna Spanja dakinhar stess li seħħ l-inċident. Qalet li kienet tħobb ħafna lil Malta u saħansitra xtaqet tmexxi n-negozju tagħha f'Malta biex tkun tista' tgawdi x-xemx u l-baħar.

Il-kuġina tal-vittma qalet li ma tantx qed joqogħdu fuq dak li qed jingħad, jiġifieri li d-double-decker ħabtet ma’ fergħa mqaċċta bir-riħ. Saħqu li r-ritratti juru li l-vettura ħabtet ma' zokk ewlieni tas-siġra u li l-impatt ma kienx wieħed żgħir.

“Imma se nistennew ir-riżultat tal-investigazzjoni,” kompliet tikteb.

Lill-kuġina tagħha ddeskrivita bħala mara mimlija enerġija li dejjem xtaqet titgħallem affarijiet ġodda u kien għalhekk li kienet tħobb issiefer.

Kellha negozju, taħdem bħala life coach u anke għalliema f’Barċellona, fejn kienet tgħix għal dawn l-aħħar 17-il sena. Eli, kif jafuha sħabha, kienet Bulgara ta’ oriġini Lhudja.

“Ċittadina vera tad-dinja, ispirazzjoni għan-nisa li jridu jkunu b’saħħithom u indipendenti," kompliet tiddeskrivihia Avdala.

Fost oħrajn, kienet tgħin ħafna nies biex jindirizzaw il-problemi li jiltaqgħu magħhom.

“Illum, aktar minn qatt qabel, għandna bżonn l-għerf tagħha biex nindirizzaw it-telfa li qed inħossu,” saħqet kuġintha.

Aqra wkoll:

 

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

More in Kronaka