'Il-produzzjoni tal-kannabis se ssir f'żoni siguri taħt kundizzjonijiet stretti'

S’issa l-korporazzjoni Malta Enterprise diġà approvat sitt proġetti mill-Kanada, l-Awstralja u l-Iżrael

Fid-dawl tal-approvazzjoni parlamentari ta' l-att li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qal li "din il-liġi se tkun mezz ieħor ta’ kif Malta tkompli  timmassimizza l-potenzjal ta’ negozju u opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità."

Il-liġi approvata toħloq qafas regolatorju fis-settur, li fost l-oħrajn tistabbilixxi li ebda kultivazzjoni, importazzjoni jew proċessar ta’ kannabis, jew xi preparazzjoni derivanti minnha ma tista’ sseħħ f'Malta mingħajr il-pussess ta’ kull approvazzjoni, awtorizzazzjoni, liċenzja, jew permess neċessarju skont din il-liġi.

Apparti minn hekk skont l-att "il-kultivazzjoni għal skop ta’ riċerka u produzzjoni industrijali se jkun possibbli biss f’żoni industrijali siguri u taħt kundizzjonijiet stretti."

S’issa l-korporazzjoni Malta Enterprise diġà approvat sitt proġetti mill-Kanada, l-Awstralja u l-Iżrael, b’investiment kapitali ta’ 40 miljun u l-ħolqien ta’ aktar minn 200 impjieg ġdid, u skont il-Ministeru l-interess qed ikompli jikber minn kumpaniji oħrajn, partikolarment issa li l-parlament Malti approva din il-liġi.

 

 

More in Kronaka