Il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li żewġ passiġġiera rnexxielhom jitilgħu abbord ajruplan tal-easyJet li kien se jħalli l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, minkejja li kellhom dokumenti foloz.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ din il-gazzetta li ż-żewġ passiġġiera ġew arrestati, tressqu l-Qorti u weħlu xahrejn ħabs kull wieħed.
Kienu membru tal-ekwipaġġ li nnutaw kif id-dettalji fuq il-biljett tal-ajru ma kinux jaqblu mad-dettalji tad-dokumenti tal-ivjaġġar li ppreżentaw.
Dan ifisser li ż-żewġ persuni Albaniżi, irnexxielhom jgħaddu mill-proċeduri kollha tas-sigurtà u mill-istadji kollha tal-ajruport sakemm saħansitra kienu lesti mal-passiġġiera l-oħra kollha abbord l-ajruplan.
Skont l-informazzjoni li kisbet l-ILLUM, il-passaporti ta’ dawn iż-żewġ persuni kienu ġenwini iżda kellhom dokumenti ffalsifikati.
Il-ġimgħa li għaddiet, passiġġiera tkellmu ma’ din il-gazzetta u spjegaw kif meta l-ajruplan kien diġà bil-bibien magħluqa u kollox kien lest biex iħalli Malta, żewġ passiġġiera talbu li jinżlu minn fuq l-ajruplan.
Aktar tard, uffiċjali tal-ajruport telgħu abbord l-ajruplan u talbu żewġ passiġġiera oħra biex jiġbru l-bagalji u jinżlu magħhom.
Kien hawn li diversi passiġġiera ma ħassewhomx komdi u talbu li anke huma jinżlu minn fuq l-ajruplan.
Persuni li kienu abbord spjegaw kif il-kaptan informa lill-passiġġiera li kulħadd kellu jinżel, jiġbor il-bagalji u jirritorna lura fit-terminal biex jgħaddu mill-ġdid mill-proċedura tas-sigurtà.
Sadanittant l-ajruplan ġie spezzjonat u t-titjira ħalliet Malta madwar tliet sigħat tard mill-ħin skedat. Uħud mill-passiġġiera għażlu li ma jaqbdux dan l-ajruplan u minflok qabdu titjira oħra li telqet l-għada.
Dawn iż-żewġ passiġġiera kienu investigati u tressqu l-Qorti akkużati bil-pusess u użu ta’ dokumenti foloz, fost akkużi oħra.