Filmati u ritratti | 'Fetaħ il-bieb u tar kollox' - splużjoni fil-Għargħur
Persuna tiddaħħal l-isptar, residenti evakwati u agħa kbir wara splużjoni fir-raħal tal-Għargħur..
minn Albert Gauci Cunningham
Ftit wara t-3:00 p.m. f'residenza fil-Għargħur, fi Triq l-Isqof Gargallo seħħet splużjoni. Mill-ewwel informazzjoni mogħtija mill-Pulizija lil dan is-sit jidher illi persuna tinsab feruta u ddaħlet l-isptar. Mill-ewwel informazzjoni jidher li dan huwa raġel li jgħix il-Għargħur u li għandu 42 sena.
Sors partikolari li kien fuq il-post u li jaf lill-vittma qal lil dan is-sit illi malli r-raġel fetaħ il-bieb 'tar kollox'. Fil-fatt il-bieb inqala minn postu bis-saħħa tal-isplużjoni li jidher li tista' tkun bomba, hekk kif Pulizija li tkellmu ma' illum.com.mt qalu illi l-possibilità ta' splużjoni minħabba gass qed tkun eskluża. Fuq il-post hemm ukoll il-Crime Scene Investigation tal-Pulizija.
Il-persuni fuq il-post identifikaw lill-vittma bħala Kevin Ellul, magħruf bħala id-double zero.
Fuq il-post marru numru kbir ta' karozzi tal-Pulizija, vetturi tat-tifi tan-nar u membri mill-Explosive Ordinance Disposal.
Jidher illi numru ta' karozzi fuq il-post ġarrbu xi ħsarat ukoll. Intant dan is-sit jinsab infurmat li r-residenti viċin is-sit tal-isplużjoni ġew evakwati minn djarhom.Intant il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli waslet fuq il-post.
Aktar informazzjoni malli taslilna