Filmat | Jitlesta t-twaqqigħ tal-power station tal-Marsa
L-ewwel żarmar kien beda lura f’Ottubru tal-2014
More in Kronaka
L-ewwel żarmar kien beda lura f’Ottubru tal-2014
Dalgħodu Enemalta plc ħabret li lestiet l-aħħar xogħol ta’ twaqqigħ ta’bini fis-sit tal-Marsa Power Station, sabiex tkun tista’ tibda l-ħidma ġdida li se tkun qed twassal għar-riġenerazzjoni tant mistennija ta’ dawn l-inħawi fil-qalba tal-Port il-Kbir.
Iż-żarmar u t-twaqqigħ tal-Marsa Power Station, li tmur lura għall-1953, kien jinkludi t-tneħħija tat-tmien impjanti li kienu jipproduċu l-elettriku mill-heavy fuel oil, kif ukoll għadd ta’ strutturi oħra marbuta magħhom.
Dawn setgħu jitneħħew gradwalment, hekk kif ma baqgħux aktar meħtieġa biex jilqgħu għad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż, jew bħala provvista ta’ emerġenza cold standby. L-ewwel żarmar beda f’Ottubru tal-2014, ftit xhur qabel l-istazzjoni intefa għall-aħħar darba f’Marzu tas-sena ta’ wara.
Il-kuntratturi taż-żarmar tal-istazzjon tal-Marsa ħattew u neħħew mis-sit madwar 12,000 tunnellata ta’ konkos, ġebel u materjal tal-bini. Żarmaw ukoll 17,000 tunellata ta’ ħadid, fosthom azzar, ram u aluminium kif ukoll 320 tunnellata ta’ cables tal-elettriku, sabiex jiġu esportati għar-riċiklaġġ.
Intant fiI-mini li hemm taħt l-Għolja tal-Ġiżwiti, u li fihom kien hemm l-aktar parti antika tal-Marsa Power Station magħrufa bħala l-A Station, u xi makkinarju li għad baqa fihom, ser jinżammu minħabba l-valur storiku tagħhom. Enemalta se tkun qed tuża dawn il-mini bħala data centres internazzjonali fi proġett b’kollaborazzjoni ma’ Streamcast Technologies.
L-Inġinier Fredrick Azzopardi, Chairman ta’ Enemalta plc, spjega li ż-żarmar tal-Marsa Power Station jiftaħ opportunitajiet sbieħ għall-Marsa u għall-inħawi ta’ ġewwa tal-Port il-Kbi, “Filwaqt li t-testijiet tekniċi se jkunu għaddejjin fis-sit, se nkunu wkoll qed infasslu l-pjanijiet tagħna għall-futur ta’ din l-art ta’ madwar 66,500 metru kwadru. Il-proċess tal-ippjanar ser jinvolvi s-sehem ta’ dawk l-individwi u l-entitajiet kollha konċernati, fosthom ir-residenti tal-Marsa," saħaq Azzopardi.
Hu kompla jgħid kif, "din il-lokalità ilha tistenna t-tmiem tad-diffikultajiet ambjentali tal-Marsa Power Station għal għexieren ta’ snin. Sal-bidu tas-sena 2019, Enemalta se tkun f’pożizzjoni li tħabbar il-proposti tagħha għar-riġenerazzjoni ta’ dan il-post, skont il-kriterji stabbiliti fil-pjanijiet tal-ippjanar ta’ dan ir-reġjun" sostna Azzopardi.