Raġel ta' 54 sena mill-Olanda residenti f'San Pawl il-Baħar, illum ġie akkużat fil-qorti b' pussess ta' kokaina u kannabis, f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kienitx għall-użu personali tiegħu.
Ir-raġel li jaħdem fis-settur tal-Igaming u ilu jgħix f'Malta ma' martu u żewġ itfal għall-aħħar ħames snin wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-qorti semgħet kif, żewġ uffiċjali tal-Pulizija kienu ġew assenjati biex josservaw l-akkużat dan wara li l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali fuq l-akkużat li kien qed jbiegħ id-drogi.
Ftit wara il-Pulizija, lemħet lilr-raġel għaddej fuq il-mutur tiegħu u jġorr borża sewda. Hi waqfitu u għamlet tfittxija tal-kontenut tal-borża, li rriżulta fl-iskoperta ta' tliet blokki ta' sustanza bajda suspettata li kienet kokaina. Il-passaport tal-akkużat kien ukoll fil-borża.
Fil-qorti il-proskezzjoni qalet li l-piż tat-tliet blokkok kien ta' madwar 1kg. Żiedet tgħid li fi tfittxija separata fl-appartament tal-akkużat nstabet blokka oħra ta' sustanza bajda maħsuba bħala kokaina, flimkien ma' boroż żgħar oħra ta' kokaina u € 3,000 fi flus kontanti.
Instabu wkoll apparat marbut mad-droga kannabis, bl-akkużat li kkonferma lill-pulizija li kien ilu jpejjep id-droga għal għexieren ta' snin.
Huwa talab il-ħelsien mill-arrest iżda l-qorti ċaħdet u ordnat l-iffriżar tal-assi tiegħu.