Mixli li kkorrompa t-tifla tas-sieħba tiegħu

Ir-raġel ta' 46 sena jinżamm arrestat...l-omm ġiet infurmata dwar l-allegat reat ġimgħa ilu biss

Illum fil-Qorti, raġel ta' 46 sena mis-Siġġiewi ġie akkużat li kkorrompa tfajla minuri waqt li hu kien ifdat bil-kura tagħha u li pparteċipa f'attività sesswali magħha. It-tfajla li għandha 14 -il sena, hi t-tifla tas-sieħba tiegħu li hu kien jgħix fid-dar magħhom.

Il-Qorti semgħet kif allegatament dan seħħ f'każijiet diversi bejn Ġunju 2017 u Marzu 2018 u kif l-omm tat-tfajla ta' 14-il sena kienet ġiet infurmata dwar dak li ġara madwar ġimgħa ilu.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u d-difiża talblet għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża minħabba li skontha "l-kriminalità kienet ta' natura serja u ġġorr magħha sentenza kbira ta' ħabs.

Wara li qieset in-natura tar-reati allegati, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

 

More in Kronaka