Sitt attakki fuq ATMs fl-ewwel nofs tas-sena
Tlieta minn dawn is-sitt każi ġew solvuti b’persuna titressaq il-Qorti b’akkużi relatati ma’ serq mill-ATMs
More in Kronaka
Tlieta minn dawn is-sitt każi ġew solvuti b’persuna titressaq il-Qorti b’akkużi relatati ma’ serq mill-ATMs
Minn Jannar sal-lum kienu rrappurtati sitt attakki permezz ta’ skimmers; apparat li jitwaħħal ma’ ATM biex tinsteraq l-informazzjoni minn fuq il-karta tal-kreditu u li eventwalment tintuża biex jinsterqu flus mill-kont partikolari.
Din l-informazjoni ngħatat lil din il-gazzetta mill-Pulizija li nfurmaw lill-ILLUM illi tlieta minn dawn is-sitt każi ġew solvuti b’persuna titressaq il-Qorti b’akkużi relatati ma’ serq mill-ATMs.
Għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta l-Pulizija sostnew illi b’sitt każi, u dejjem sakemm ma kienx hemm ħafna li ma kinux irrappurtati lill-Pulizija, dan ma jimmarkax żieda fir-rata ta’ din it-tip ta’ kriminalità.
Intant din il-gazzetta waslulha wkoll numru ta’ ilmenti minħabba użu tal-ATMs li huma ‘indipendenti’ minn bank u li wieħed isib f’diversi postijiet madwar il-pajjiż.
Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mal-kumpanija Euronet, li tmexxi dawn l-ATMs. Min-naħa tagħhom dawn assiguraw lill-gazzetta illi l-ATMs kollha li huma responsabbli għalihom, kollha huma attrezzati b’apparat u teknoloġija li jgħinu biex jimminimizzaw l-attentati li xi ħadd jisraq id-dettalji ta’ karta tal-kreditu permezz ta’ skimmers.
Huma kkonfermaw li sar attakk fuq ATM, iżda li fis-sentejn kemm ilhom joperaw kien hemm biss każ wieħed ta’ inċident li potenzjalment seta’ kien relatat ma’ serq permezz ta’ skimmer.
Fil-fatt il-kumpanija Euronet, għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, qalet illi tagħmel spezzjonijiet fuq l-ATMs kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tant li kienu l-ispezzjonijiet tal-kumpanija li wasslu biex il-Pulizija ħadu azzjoni.
Iktar minn hekk, u f’kuntatt ma’ din il-gazzetta, il-Malta Financial and Services Authority (MFSA) sostniet illi qatt ma rċeviet xi forma ta’ ilmenti dwar dawn l-ATMs li jinsabu f’postijiet differenti fil-pajjiż u li joperaw indipendentement minn bank.
Kienet din il-gazzetta l-ewwel li tefgħet dawl fuq serq permezz ta’ skimmers f’rapport li deher nhar il-Ħadd l-1 ta’ Ottubru 2017 illi fih konna rrappurtajna kif persuna kienet ffrodata minn ATM fi Triq ir-Repubblika għall-ammont ta’ kwazi €500.
Nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru l-ILLUM kienet irrappurtat kif is-serq ta’ dawn id-dettalji huma parti minn kriminalità assoċjata mal-mafja hekk kif wara li tinsteraq l-karta tal-kreditu tiegħek issir ‘clone’ tagħha f’postijiet assoċjati mal-mafja, b’dawk li jisirqu mill-ATMs f’Malta ma jdumux fil-pajjiż, biex ma jħallux traċċi warajhom.
Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif kienet informazzjoni mill-Europol li wasslet għall-arresti relatati ma’ dan it-tip ta’ serq.