Żewġ impjegati kellhom jingħataw l-għajnuna medika minħabba li sofrew minn xokk wara serqa minn ħanut f’Ħal Tarxien.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tan-nofsiegħa fi Triq Karlu Maratta.
Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li raġel mgħammad u b’arma li taqta’ u bil-ponta daħal ġo ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera, żagħżugħa ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar.
Huwa ħarab minn fuq il-post b’€100.
Dak il-ħin, fil-ħanut kien hemm impjegata oħra, Tuneżina ta’ 46 sena residenti f’Bormla.
Il-Pulizija għadha qed tfittex lir-raġel.