Liam Debono, ix-xufier żagħżugħ mixli bl-attentat ta' qtil tal-pulizija Simon Schembri, illum reġa' tressaq il-Qorti fuq numru ta' serq ta' vetturi fl-2017.
L-ispetturi Fabian Fleri u Chantelle Casha akkużaw liż-żagħżugħ b' serq ta' żewġ karozzi u mutur f'Mejju u f'Ġunju tas-sena li għaddiet. Huwa ġie akkużat ukoll li bagħbas in-numru taċ-chassis u l-pjanċi tal-liċenzja ta' waħda mill-karozzi. Apparti minn hekk u ġie akkużat li saq it-tliet vetturi mingħajr assigurazzjoni, li saq l-mutur mingħajr liċenzja u li żamm il-vetturi u prova jbigħhom.
Hu kien akkużat wkoll bi ksur ta' projbizzjoni imposta mill-qorti fuq is-sewqan jew il-ksib ta' liċenzja biex issuq.
L-akkużat wieġeb mhux ħati filwaqt li il-Maġistrat Francesco Depasquale ordna li Debono jinżamm fil-kustodja.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għaż-żgħażagħ.