Tmien persuni ddaħħlu l-isptar wara li żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura u spiċċa fuq il-bankina li fuqha kienu miexja.
Wieħed minn dawn jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-ħamsa neqsin għaxra fi Triq Borg Olivier f'San Ġiljan.
Il-persuni li ddaħħlu l-isptar huma erba' żgħażagħ Olandiżi li għandhom bejn l-14 u l-25 sena, żewġ tfajliet mill-Kroazja li għandhom 21 u 23 sena u żewġ żgħażagħ Ingliżi li għandhom 25 sena.
Iż-żagħżugħ li kien qed isuq u li għandu 20 sena minn Birkirkara ma sofra l-ebda ġrieħi.
Aktar tard sar magħruf li l-Olandiż ta' 25 sena qed isofri minn ġrieħi serji, wieħed mill-Ingliżi ġrieħi gravi, il-ġuvintur l-oħra ġrieħi ħfief, filwaqt li ż-żewġ nisa ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.