Imut Hugo wara sitt'ijiem jiġġieled għal ħajtu

L-intraprenditur qala' daqqiet ta' sikkina tard nhar il-Ġimgħa bil-lejl

Ftit tal-ħin ilu kien imħabbar li Hugo Chetcuti, intraprenditur ta' 52 sena li huwa sid ta' ħafna stabbilimenti f'Paceville, tilef ħajtu wara jiem jiġġieled għaliha. Chetcuti qala' numru ta' daqqiet ta' sikkina, allegatament minn raġel Serb (Bojan Cmelik), li jinsab arrestat li kien jaħdem ma' Hugo's Group sa madwar tmien xhur ilu. 

X'ġara eżatt il-Ġimgħa filgħaxija?

L-allegat aggressur huwa raġel Serb, jismu Bojan Cmelik u għandu 35 sena

Jidher illi quddiem l-istabbiliment ‘Seafood and Cocktail’ Cmelik attakka lill-intraprenditur, li kellu jiddaħħal l-isptar u kien f’qagħda kritika għal ħafna mil-lejl.
Cmelik ħarab jiġri minn fuq il-post u għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija intensiva sabiex jinstab. Iktar tard, il-Pulizija qabdet lill-allegat aggressur, għalkemm mhux qabel ma fil-fatt dan kien irnexxielu jaħrab darbtejn, darba ħdejn it-telgħa tal-Balluta u darba oħra quddiem l-Exiles.

Waqt dan l-arrest, is-suspettat ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra beda jaggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t- taser sabiex ir-raġel seta’ jiġi mrażżan u kkontrollat. Minn tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, irriżulta li r-raġel kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li kellu xi ġrieħi u wara li ġie rilaxxat, ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.
Intant is-Sibt filgħodu Cmelik tressaq il-Qorti u ffaċċja erba’ akkużi. Dawn huma 1) attentat ta’ qtil jew inkella li jpoġġi ħajjet Hugo Chetcuti fil-periklu, 2) li attakka jew offenda lill-Pulizija, 3) li hedded pulizija bil-ħsieb li jbeżżgħu u 4) li ma obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija.
Cmelik wieġeb mhux ħati u ma ngħatax ħelsien mill-arrest anke jekk  fil-fatt id-difiża lanqas biss talbitha.

Bil-mewt ta' Chetcuti jista' jkun li issa Cmelik ikun akkużat bi qtil, mhux aktar b'attentat ta' qtil. 

Kif bena l-imperu...
Hugo Chetcuti jibqa’ xi ftit ta’ faxxinu għal dawk kollha li jmorru Paceville anke jekk maġistrat darba ddiskrevieh bħala ‘karattru dubjuż’.
Jekk tinżel tara film, issib stabbiliment fejn tista’ ssib il-Burgers li huma tiegħu, bl-ittra ‘H’ tiddomina saħansitra fuq is-srievet tal-karti li tuża biex tnaddaf idejk. Malli toħroġ issib Hugo’s Terrace u ftit ’il fuq l-klabb popolari Havana, tiegħu ukoll. 
Imma minn fejn beda l-imperu ta’ Hugo? Beda fis-snin 90 bil-ftuħ tal-istabbiliment Footloose, post li kien u għadu popolari speċjalment ma’ numru kbir ta’ turisti żgħażagħ u studenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż. Minn hemmhekk kiber biex illum huwa sid ta’ ħafna stabbilimenti, uħud li isimhom huwa fil-fatt ismu bħal dawn li diġà semmejna u oħrajn li m’għandhomx dik il-famuża ‘H’ imwaħħla magħhom imma xorta huma jew inkella kienu tiegħu, bħal Bar Native, Shadow Lounge u Club 121.

 

More in Kronaka