Kienet titolbu jeħodha d-Detox biex tieħu l-methadone
- F’okkażjonijiet, Liam Debono, kien jieħu lil ommu d-Detox, anke jekk ma kellux liċenzja tas-sewqan.
- Ommu kienet instabet ħatja mill-Qorti darbtejn fl-2015, darba b’pussess ta’ eroina

minn Albert Gauci Cunningham

L-istorja ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena akkużat b’attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri, tkompli tikkomplika ruħha hekk kif din il-gazzetta tista’ tiżvela illi omm Liam Debono f’numru ta’ okkażjonijiet talbitu biex iwassalha d-Detox ħalli tkun tista’ tieħu l-methadone, minħabba li kienet tagħmel użu mill-eroina. Dan anke jekk Debono kien u għadu taħt l-età u allura ma jistax isuq.
Dak li qed niżvelaw mhux l-ewwel u probabilment lanqas se jkun l-aħħar fatt li jorbot lil Debono u lil ommu mad-droga, b’ommu Charlotte Zammit, saħansitra tinstab ħatja mill-Qorti illi kellha fuqha d-droga eroina, nhar it-2 ta’ Diċembru 2016.
Nhar il-11 ta’ Settembru li għadda, fil-Qorti, irriżulta li Liam Debono kien qal lill-Pulizija li ommu kienet bdiet tagħtih id-droga minn meta kellu disa’ snin “biex iżżommu kwiet.”
“Hu kien ipejjep bejn 3 u 4 grammi ħaxixa tal-kannabis kuljum minn meta kellu 9 snin u ommu kienet tagħtihielu biex joqgħod kwiet," xehed l-Ispettur Malcolm Bondin.
Imma fl-uniċi kummenti li qatt tat omm Liam Debono lill-midja tal-Partit Laburista hija ċaħdet illi qatt tat drogi lil binha. Minkejja l-kummenti tagħha fuq il-midja kemm hi, kif ukoll it-tifla m’aċċettawx li jixhdu fil-każ kontra Liam u b’hekk għamlu użu mill-privilieġġ li tagħtihom il-liġi bħala ġenituri jew aħwa ta’ akkużat.
Mal-one.com.mt hi qalet illi Liam kien qallha li meta akkużaha li kienet tagħtih id-droga fl-età ta’ disa’ snin ma qalx il-verità imma kien biss qed jirreaġixxi għar-rabja li kellu għaliha għax, skont Zammit, ħaditlu l-kelb.
S’issa din l-istqarrija għadha qatt ma kienet sostanzjata.
Hija kienet qalet ukoll kif binha għandu l-ADHD u huwa għalhekk li kien qed iġib ruħu b’dan il-mod.
Kif diġà msemmi nhar it-2 ta’ Diċembru Zammit aċċettat il-ħtija illi kellha fil-pussess tagħha d-droga eroina, f’każ li kien ippresedut mill-maġistrat Natasha Galea Sciberras, bil-Prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispettur Malcolm Bondin, l-istess Spettur li interroga lil Liam Debono meta dan qal li kienet ommu li tagħtih id-drogi.
Din il-ġimgħa l-midja tal-Partit Nazzjonalista rrappurtat ukoll illi Zammit għaddejja minn proċeduri kriminali quddiem il-Qorti bħalissa dwar pussess ieħor tad-droga.
Apparti dan, fl-2015 ukoll hija kienet akkużata b’gideb u rapport falz. Fil-fatt dan il-każ deher quddiem il-Maġistrat Anthony Micallef Trigona u s-sentenza nqatgħet nhar il-11 ta’ Settembru 2016. Hija weħlet sentenza sospiża ta’ tliet snin bil-patt li tobdi kull ordni tal-uffiċjal innominat għaliha u li tissottometti lilha nnifisha għat-testijiet meħtieġa.
L-istorja tar-rabta bejn Debono u d-droga ma bdietx issa, tant li fil-Qorti ħareġ kif is-sena l-oħra Debono nqabad jarmi xi ħaġa ’l barra mill-karozza f’Santa Luċija li wara ammetta għall-akkuża illi kienu 12-il gramma ta’ kannabis u żewġ oġġetti li jintużaw biex titkisser id-droga. Għal darb’oħra dakinhar huwa kien sostna illi kienet ommu li tagħtih id-droga biex iġġiegħlu jħossu għajjien.
Debono qed jiffaċċja possibilità ta’ 40 sena priġunerija jekk jinstab ħati fuq is-46 akkuża u dan wara li saq fuq il-Kuntistabbli Schembri u ħallieh għall-mewt. Dan il-każ qajjem furur kbir fil-pajjiż u saħansitra wassal biex saret mixja favur il-Pulizija li għaliha attendiet ukoll il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca. L-avukati ta’ Debono, immexxijin minn Franco Debono, fetħu protest ġudizzjarju illi fih qed jinsistu li l-preżenza tal-President tar-Repubblika ppreġudikat il-każ tant li qed timpedixxi fuq id-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq.
Ir-rakkont fil-Qorti tal-Kuntistabbli Simon Schembri, kien wieħed iwaħħax. Rakkont ta’ kif ħass ġismu jdub hekk kif kien qiegħed jitkaxkar taħt il-karozza. F’seduta pjuttost movimentata l-Avukat Debono kien staqsa għalfejn ma resaqx Schembri meta ra l-karozza ġejja lejh, bi Schembri jgħid illi ma basarx li Debono mhux se jobdi l-ordnijiet u se jsuq fuqu. Kien qal ukoll li kollox seħħ f’temp ta’ ftit sekondi.
S’issa t-talba ta’ Debono għal ħelsien mill-arrest dejjem kien irrifjutata.

![[Aġġornat] Kuċċier iweġġa' gravi f'ħabta l-Furjana](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/habta21022025.png)

