Impjegata ta' Monte Carmeli 'tinżamm' bħala pazjenta wara argument ma' superjura
In-Nursing Aide qed tinsisti li nżammet kontra r-rieda tagħha u osservata 24 siegħa mill-istess kollegi tagħha
More in Kronaka
In-Nursing Aide qed tinsisti li nżammet kontra r-rieda tagħha u osservata 24 siegħa mill-istess kollegi tagħha
Impjegata tal-Isptar Monte Karmeli talbet lill-Kummissarju għas-Saħħa Mental biex jinvestiga kif minn Nursing Aide tal-Isptar Monte Karmeli spiċċat pazjenta tal-istess sptar wara li allegatament kellha argument mas-superjura tagħha.
Qal dan waqt konferenza s-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, Jeremy Camilleri, li insista kif kienet l-istess Nursing Aide li qaltlu bil-każ u kien hui qalilha biex tirrapporta lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.
Skont Camilleri, wara l-argument, it-tmexxija tal-Isptar kienet talbet lill-impjegata biex tagħmel apoloġija mas-superjura tagħha iżda din ma riditx taf u bdiet tinsisti li n-Nursing Aid għandha bżonn psikjatra.
Wara li għaddew ftit jiem, uffiċjali tal-Isptar bagħtu għall-istess impjegata u qalulha li se jżommuha bħala pazjenta għax qed jinkwetaw li tista’ tweġġa’ lilha nnifisha u lil ta’ madawrha,
'Josservawha l-kollegi tagħha...'
L-impjegata qed tinsisti li nżammet konta l-volontà tagħha għal erbat ijiem sħaħ fl-istess sala li fiha kienet taħdem. Hiija tpoġġiet taħt osservazzjoni ta’ 24 siegħa minn dawk li huma l-kollegi tagħha.
Camilleri qal li l-GWU talbet spjegazzjoni mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa u dawn infurmawha li l-mara daħlet l-isptar volontarjament, xi ħaġa li hi qed tiċħad.
'Mhedda li tinżamm aktar...'
“It-tmexxija qed tgħid li għandha dokument li ffirmat l-istess impjegata,” saħaq Camilleri waqt li insista li din iffirmat għax kienet mhedda li jekk mhux se tiffirma se tinħareġ care order u tinżamm għal għaxart ijiem. Kompla jgħid li l-mara għandha t-tfal u hi biss taħdem għall-familja.
Mistoqsi mill-ġurnalist tal-MaltaToday jekk l-istess impjegata kinitx involuta f'inċidenti simili oħra, Camilleri qal li kien hemm każ wieħed żgħir fil-passat iżda insista li n-natura tal-każ ma kellu x'jaqsam xejn ma' problemi ta' saħħa mentali.
Temm jinsisti li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għandu jitlob spjegazzjoni dwar dan il-każ.