Aktar minn 3,500 persuna jattendu l-ewwel edizzjoni tad-Delta Summit
L-avveniment uffiċjali tal-gvern Malti għall-blockchain u l-innovazzjoni
More in Kronaka
L-avveniment uffiċjali tal-gvern Malti għall-blockchain u l-innovazzjoni
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri indirizza l-ewwel edizzjoni tad-DELTA Summit, l-avveniment uffiċjali tal-gvern Malti għall-blockchain u l-innovazzjoni.
Schembri spjega l-vjaġġ li bdiet Malta sena ilu sakemm waslet għal fejn tinsab illum, jiġifieri bi 3 liġijiet li joffru ċertezza legali lil dawk li joperaw fis-settur tal-blockchain. “Kien ċar li l-industrija kienet qed titlob għal regolamentazzjoni sensibbli li tagħti suq integru, protezzjoni lill-konsumatur u stabilità finanzjarja mingħajr ma toħnoq l-innovazzjoni. Dan hu dak li tat Malta”, qal Schembri.
Schembri spjega li t-3 Atti waqqfu l-ewwel regolatur fid-dinja għal dan is-settur, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali li l-operat tagħha beda mil-lum, l-Att dwar Arranġamenti Teknoloġiċi u Servizzi, u l-Att dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali.
“It-triq għall-diġitalizzazzjoni diġà bdiet għal bosta organizzazzjonijiet, awtoritajiet u istituzzjonijiet madwar id-dinja li qed jaraw modi dwar kif jinkorporaw dawn it-teknoloġiji ġodda. Bħala pajjiż rajna li ninkorporaw dawn it-teknoloġiji ġodda fl-ekosistema tagħna u dan bħala parti mill-mira tagħna li nagħmlu minn Malta ċentru għall-innovazzjoni ekonomika”, qal Schembri.
Schembri qal li mid-DELTA Summit Malta bagħtet messaġġ qawwi lill-istituzzjonijiet dinjin li l-bidla ma tistax twaqqafha. “Irrid nibqgħu fuq quddiem nett tal-kompetizzjoni, mhux biss billi nilqgħu t-teknoloġija ġdida imma wkoll minn aspett ta’ strateġija”, qal Schembri, filwaqt li spjega dwar l-isforzi li qed isiru f’investimenti fir-riżorsa umana u l-ħiliet.
Schembri qal li l-viżjoni ta’ Malta tmur lil hinn minn blockchain u eventwalment se tħares lejn artificial intelligence, internet of things, quantum technology, big data and space, xi ħaġa li se tkun diskussa fl-istess summit tas-sena d-dieħla.