John Suda, attur veteran u popolari għadu kemm ingħata piena ta' sentejn ħabs sospiżi wara li nstab ħati ta' attakk sesswali, indiċenti fuq tfajla ta' 22 sena, li kienet studenta tiegħu.
Il-vittma rrakkontat fil-Qorti dak li ġara waqt din is-suppost lezzjoni tad-drama, illi fiha Suda poġġa ġismu ma' ħalq l-istudenta u talabha titla' fuqu, poġġa subgħajh f'ħalqha u bagħbasha. Fil-Qorti Suda xehed illi dak li kien qed jagħmel għamlu biex jara jekk it-tfajla hix kapaċi żżomm il-kalma f'sitwazzjonijiet simili, meta tkun qed tirreċta quddiem udjenza. 'Jiena kont interessat li nħares f'għajnejha u l-espressjoni ta' wiċċha,' sostna Suda.
Minkejja dan, il-Qorti xorta sabitu ħati għalkemm ikkunsidrat il-fatt li qatt qabel ma xellef difru mal-liġi u allura tagħtu piena ta' sentenza sospiża. Il-Qorti qalet illi Suda uża l-pożizzjoni tiegħu, permezz tal-metodoloġija ta' tagħlim, biex iġiegħel lit-tfalja tagħmel dak li ried hu.
Il-vittma spjegat kif l-inċident ħalla effett ħażin ħafna fuqha, tant li kellha tfittex l-għajnuna ta' psikoterapista.