Il-Gvern jikkundanna l-kumment omofobiku li xxandar fuq il-programm X Factor
'Kumment bħal dan jpoġġi f’riskju lil dawk iż-żgħażagħ li huma vulnerabbli'
More in Kronaka
'Kumment bħal dan jpoġġi f’riskju lil dawk iż-żgħażagħ li huma vulnerabbli'
Illum fi stqarrija il-Gvern ħareġ jikkundanna l-kumment omofobiku ta' wieħed mill-kontestanti tal-X Factor. Huwa sostna li "l-liġi Maltija tistipula li kull orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru ta’ kull persuna f’Malta hija waħda valida u l-ebda waħda minnhom ma tirrikjedi bidla jew soppressjoni."
Ilbieraħ waqt il-programm X Factor li jixxandar fuq TVM, fil-filmat ta' introduzzjoni tal-awdizzjoni wieħed mill-kontestanti Matthew Grech, ippontifika dwar il-konverżjoni tiegħu u fuq kif skontu 'minn jagħżel li jħobb persuna tal-istess sess qiegħed jgħix fid-dnub.'
Grech huwa wkoll membru tar-River of Love għaqda Kristjana li kemm-il darba spiċċat f'nofs kontroversja, minħabba allegazzjonijiet relatati ma' terapija tal-konverżjoni.
B'reazzjoni, il-Gvern qal li "huwa fatt li x-xandir ta’ dan il-messaġġ kien wieħed ta’ ħsara kbira u li jpoġġi f’riskju lil dawk iż-żgħażagħ li huma vulnerabbli għal tali prattiċi minkejja li Malta adottat liġijiet stretti f’dan ir-rigward fl-2016," saħaq il-Gvern.
L-Gvern saħaq ukoll li "dawk iż-żgħażagħ li bħalissa għaddejjin bil-proċess tal-'coming out' tagħhom u li jinsabu f'diffikultà għandhom ifittxu l-għajnuna.
Apparti minn hekk it-tali għajnuna teżisti wkoll għal dawk il-ġenituri li għadhom isibuha diffiċli sabiex jaċċettaw u jaslu f’punt fejn jiċċelebraw l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ uliedhom.
Għall-għajnuna jistgħu jċemplu fuq 22263225 u jitkellmu direttament ma’ rappreżentant tat-Taqsima SOGIGESC li l-gvern waqqaf sabiex isaħħaħ id-drittijiet u r-rispett lejn il-persuni LGBTIQ f’Malta.