Dalgħodu raġel Għawdxi nstab ħati illi gidem biċċa mill-widna tal-eks sieħeb ta' bintu. Hu ntsab ħati illi kkawża feriti gravi fuq il-vittma.
Dan kollu ġara wara li bint l-akkużat u l-eks sieħeb tagħha ma baqgħux flimkien, wara relazzjoni ta' tliet snin. Il-vittma spiċċa b'parti minn widnejh nieqsa hekk kif hu u l-akkużat ġew fl-idejn.
Minkejja li l-missier qal li kien qed jiddefendi lilu nnifsu l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud irrimarkat kif ir-reazzjoni tal-akkużat kienet sproporzjonata. Mifsud fakkar li l-missier ma kellux jindaħal u dak li ġara ma jistax ikun ġustifikat.
Il-Qorti kkundannat lir-raġel għal sena ħabs sospiżi għal tliet snin u garanzija personali ta' €2,000. Il-Qorti wissietu wkoll biex ma jdejjaqx lill-vittma.