‘Din is-sena l-mard sesswali żdied kollu u m’aħniex inlaħħqu’
Esperti fil-qasam tas-saħħa qegħdin iwissu dwar epidemija tal-marda tas-Syphilis
More in Kronaka
Esperti fil-qasam tas-saħħa qegħdin iwissu dwar epidemija tal-marda tas-Syphilis
Esperti minn GlobalData, qegħdin ibassru li sas-sena 2027, propju disa’ snin oħra, il-marda sesswali tas-Syphilis se tevolvi f’epidemija globali. F’Novembru li għadda din il-gazzetta kienet żvelat kif fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE), Malta għandna l-ogħla rata ta’ din il-marda trażmessa sesswalment.
Skont ir-rapport ta’ GlobalData (kumpanija internazzjonali li tispeċjalizza fil-ħażna u l-analiżi ta’ data ta’ diversi setturi fosthom is-saħħa) il-prattika komuni ta’ sess każwali bħal ‘one night stands’ flimkien maż-żieda fil-popolarità ta’ applikazzjonijiet diġitali bħal Tinder u Grinder, qegħdin ikunu fatturi kbar fiż-żieda tat-tixrid ta’ dan it-tip ta’ mard.
Tinder u Grinder huma żewġ tipi applikazzjonijiet li jintużaw biex persuna faċilment tiltaqa’ ma’ persuna oħra fuq bażi romantika li tista’ tinkludi sess każwali.
Din il-gazzetta tkellmet mat-tabiba Valeska Padovese, li hi d-Direttur tal-GU Clinic f’Malta. Mal-ILLUM, id-Direttur sostniet li hi wkoll hi tal-fehma li “dawn l-inkontri wara l-użu ta’ dawn l-applikazzjonijiet qed ikunu fattur kbir li jwassal għat-tixrid ta’ aktar mard sesswali,” però qalet ukoll li “dawn huma parti mill-problema, u hemm fatturi oħra.”
Is-Syphilis tittieħed u tinxtered pjuttost malajr permezz ta’ attività sesswali, li jinkludi sess orali u anali. Jista’ jkun ukoll li tittieħed permezz ta’ bews fit-tul ukoll. Fil-każ li tkun infettata mara tqila, din tittieħed mit-tarbija, li tista’ saħansitra tmut.
“Attwalment is-sess inġenerali qed ikun aktar fuq bażi każwali u fl-istess waqt l-użu tal-kontraċettivi qiegħed dejjem jonqos,” sostniet Padovese.
Li ppuntat subgħajha għall-fatt li kuntrarju għal snin ta’ qabel illum ftit li xejn għad hawn biża’ mill-virus tal-HIV, minħabba li bl-avvanz tal-mediċina ħafna qegħdin iqisu din il-marda simili għal mard kroniku ieħor.
L-ILLUM staqsiet lit-tabiba jekk taħsibx li tul is-sena li għaddiet żdidux jew inkella naqsux il-każijiet ta’ mard sesswali f’Malta.
Padovese għamlitha ċara li avolja m’għandhiex il-figuri kollha f’idejha, “il-mard sesswali kollu żdied din is-sena.” Minkejja dan, it-tabiba qalet li l-GU Clinic jinsab attrezzat bl-istess numru ta’ nies li kellu fi żminijiet preċedenti u għalhekk sikwit qiegħda tkun diffiċli biex ilaħħqu mad-domanda tan-nies.
“Hi normali li jekk xi ħadd iċempel għall-eżami nagħmlulu appuntament għal xaharejn jew anke aktar ’il quddiem. Ma nistgħux nagħmlu mod ieħor, jeħtieġ li ssir bidla fis-sistema,” sostniet Padovese.
Skontha, “hemm bżonn diċentralizzazzjoni tas-sistema. Għaliex persuna għandha bilfors tiġi l-GU Clinic biex tagħmel test?” irrimarkat id-Direttur.
X’kienet irrapportat l-ILLUM ?
F’Novembru li għadda din il-gazzetta kienet żvelat kif skont l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jittratta mard sesswali (Health at a Glance – Europe 2016, State of Health in the EU Cycle), Malta kellha l-ogħla rata ta’ Syphilis mill-pajjiżi kollha tal-UE, ħames darbiet iktar mill-medja fl-UE.
Dakinhar l-ILLUM kienet irrapportat kif in-numru ta’ nies infettati b’din il-marda huwa d-doppju tal-medja Ewropea. Bażikament, għal kull 100,000 persuna f’Malta, hawn 11.5 persuni li għandhom is-Syphilis. Il-medja Ewropea rrapportata dak iż-żmien kienet ta’ 5 persuni minn kull 100,000.