Tħobb isiefer? Aqra sew xi drittijiet għandek bħala passiġġier

Rapport ġdid jinnota kif 'bosta passiġġieri ma jafux biżżejjed xi drittijiet għandhom meta jsiefru'

Skont rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "għalkemm il-qafas ta' drittijiet tal-passiġieri hu żviluppat tajjeb, spiss il-passiġġieri ma jkunux jafu xi drittijiet għandhom u ma jkollhomx informazzjoni prattika dwar kif jistgħu jiksbuhom."

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ġabra ta’ drittijiet ewlenin għall-passiġġieri tal-UE, li huma komuni għall-erba’ mezzi ta’ trasport pubbliku: dawk li jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferroviji, fuq l-ilma u bix-xarabanks.

Id-drittijiet huma garantiti għal kull mezz ta’ trasport, għalkemm il-firxa tal-kopertura u r-regoli speċifiċi jvarjaw minn regolament għall-ieħor.

Fir-rapport hemm imniżżel għadd ta' rakkomandazzjonijiet bl-għan li jsir titjib inkluż fil-kumpens awtomatiku għal dewmien f’ċerti sitwazzjonijiet, biex il-passiġġieri ma jkollhomx għalfejn jitolbu dan il-kumpens huma stess.

Bl-ewwel waħda tkun li tiżdied il-koerenza, iċ-ċarezza u l-effettività tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE, bit-trasportaturi jispjegaw il-kawżi tal-interruzzjoni fi żmien 48 siegħa u jwettqu pagamenti awtomatiċi ta’ kumpens,tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-passiġġieri filwaqt ukoll li  tiżdied is-setgħa tal-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar u jissaħħaħ il-mandat tal-Kummissjoni.

Intant huma għamlu wkoll 10 suġġerimenti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-esperjenza tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri kollha.

  1. Ippersonalizza l-ivvjaġġar tiegħek kemm jista’ jkun – meta tixtri biljett, identifika lilek innifsek mat-trasportatur, eż. ipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tiegħek. Tkun tista’ tiġi infurmat dwar l-interruzzjonijiet jekk it-trasportaturi jkollhom id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek. Barra minn hekk, jekk ikollok bżonn titlob kumpens, biljett personalizzat huwa l-aħjar mod biex turi li verament kont abbord u ġejt affettwat mill-interruzzjoni.
  2.   Ħu ritratt tal-bagalja tiegħek – meta l-vjaġġ tiegħek jinvolvi ċ-check-in tal-bagalji, hija idea tajba li jkollok ritratt tal-bagalja tiegħek u tal-kontenut tagħha. Dan jiffrankalek il-ħin f’każ li tagħmel talba għal kumpens u jipprovdi evidenza tal-valur tal-oġġetti mitlufa.
  3.  Tasalx tard għaċ-check-in – huwa importanti li tiftakar li d-drittijiet tal-passiġġieri japplikaw biss jekk tagħmel iċ-check-in fil-ħin. Jekk titlef it-tluq tiegħek minħabba l-fatt li l-bank taċ-check-in ikun diġà għalaq meta tkun wasalt, inti ma tkunx eliġibbli għall-assistenza.
  4. Itlob l-informazzjoni fil-punti tat-tluq – inti għandek id-dritt li tiġi aġġornat jekk it-tluq tiegħek jiġi ttardjat, jew jekk ikun hemm xi problema oħra fil-vjaġġ tiegħek. Jekk ir-rappreżentant tat-trasportatur ma jkunx preżenti jew ma jipprovdix informazzjoni siewja, ħu nota ta' dan u inkludi din l-osservazzjoni fit-talba għal kumpens li tagħmel lit-trasportatur.
  5.   Itlob dejjem għall-assistenza – jekk tesperjenza dewmien twil jew kanċellazzjoni fuq kwalunkwe mezz ta’ trasport, int għandek id-dritt li tirċievi assistenza. Dan ifisser li jkollok aċċess għall-ilma u għal ikla ħafifa jew ikla normali. Jekk ir-rappreżentanti tat-trasportatur ma jipprovdux dawn l-affarijiet fuq inizjattiva proprja tagħhom, jeħtieġ li titlobhom int. Jekk ma jaċċettawx, ħu nota ta’ dan u inkludi din l-osservazzjoni fit-talba għal kumpens li tagħmel lit-trasportatur.
  6. Żomm l-irċevuti kollha – jekk ma tingħatax assistenza fil-punt tat-tluq (ajruport, stazzjon tax-xarabanks jew stazzjon ferrovjarju, port) jew tkun se titlaq minn post remot (waqfa tax-xarabank), inti tista’ titlob lit-trasportatur biex tingħata kumpens għall-ispejjeż addizzjonali. It-trasportaturi ġeneralment jitolbu prova tal-ħlas għax-xorb u għall-ikliet ħfief, u jistgħu ma jaċċettawx jekk l-ammont ta’ oġġetti ma jkunx proporzjonat mad-durata tad-dewmien, jew jekk l-ispejjeż ikunu għaljin b’mod mhux raġonevoli. Japplikaw prinċipji simili jekk ikollok issib akkomodazzjoni sakemm tkun qed tistenna tluq ieħor fil-jum ta’ wara.
  7.    Itlob prova tad-dewmien jew tal-kanċellazzjoni – fl-erba’ mezzi kollha ta’ trasport, il-passiġġieri huma intitolati għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil u kanċellazzjonijiet. Għalkemm ir-rata ta’ kumpens u l-ħinijiet minimi ta’ stennija jvarjaw skont il-mezzi ta’ trasport, l-obbligu li turi li inti ġejt affettwat huwa l-istess għall-mezzi kollha. Jekk il-biljett tiegħek ma kellux ismek fuqu, ikseb prova fl-istazzjon jew abbord, li turi li int ġejt affettwat mid-dewmien jew mill-kanċellazzjoni speċifiċi.
  8.  Tagħmilx arranġamenti inti stess qabel ma l-ewwel tisma’ l-proposta tat-trasportatur – f'każ ta’ interruzzjoni fl-ivvjaġġar, ġeneralment tkun trid tkompli tivvjaġġa immedjatament permezz ta’ trasportatur ieħor jew mezz ieħor ta’ trasport. Aħna nirrakkomandaw li ma tagħmel xejn bil-għaġla: jekk tixtri biljett ġdid, mingħajr ma tistenna li tirċievi proposti alternattivi mingħand it-trasportatur, dan huwa daqslikieku kkanċellajt unilateralment il-kuntratt ta’ trasport tiegħek. Dan itemm kull obbligu li t-trasportatur oriġinali jkollu biex joffrilek assistenza jew kumpens.
  9.   Itlob kumpens – jekk tista’ turi li ġejt affettwat minn dewmien jew kanċellazzjoni tat-tluq, u li d-durata tad-dewmien kienet aktar mil-limitu stabbilit fir-regolament, ippreżenta talba għal kumpens lit-trasportatur. Dejjem irreferi għat-tluq speċifiku u għar-Regolament applikabbli. Jekk ma tirċievi l-ebda risposta mingħand it-trasportatur jew ma tkunx sodisfatt biha, irreferi l-każ lill-Korp Nazzjonali tal-Infurzar tal-pajjiż tat-tluq. L-organizzazzjonijiet l-oħra li jistgħu jgħinuk huma l-Korpi ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADRs) u l-aġenziji responsabbli għall-ilmenti. Jeħtieġ li żżomm f’moħħok li tista’ tintalab ħlas għal dawn is-servizzi.
  10.   Itlob kumpens għall-ispejjeż addizzjonali – f’ċerti każijiet, l-ammont li tkun tlift minħabba dewmien jew kanċellazzjoni jkun akbar mill-ammont dovut lilek skont ir-regoli tal-UE dwar il-kumpens tad-drittijiet tal-passiġġieri. F’każijiet bħal dawn, inti tista’ tippreżenta talba għal kumpens lit-trasportaturi skont il-konvenzjonijiet internazzjonali. Jeħtieġ li tkun ippreparat biex turi l-ammont eżatt li tlift, u n-nefqa żejda mġarrba minħabba l-interruzzjoni fl-ivvjaġġar.

 

More in Kronaka