Editorjal | Erġajna bil-Panama!
Għadna qed niddiskutu l-każ erba’ snin minn meta kienu żvelati żewġ kumpaniji partikolari fil-Panama
minn Albert Gauci Cunningham
Ħafna nies u bir-raġun iddejqu jismgħu din l-istorja tal-Panama u kumpaniji fil-Panama u flejjes li għaddejjin fihom. Ħafna ma baqgħux jisimgħu, speċjalment wara li ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant.
Imma issa ejja ngħiduha kif inhi, għadna qed niddiskutu l-każ erba’ snin minn meta kienu żvelati żewġ kumpaniji partikolari fil-Panama, sempliċiment minħabba li kważi erba’ snin ilu ma ntrefgħatx ir-responsabilità li kellha tintrefa’.
Kieku llum probabilment mhux qegħdin fejn qegħdin. Kieku mhux qed nistaqsu x’ġara u ma ġarax u fejn kienu sejrin il-miljuni u l-kumbinazzjonijiet dwar l-ogħla uffiċjali tal-Gvern. Kieku ntrefgħet ir-responsabilità kif wara kollox ġarrha Manuel Mallia u kif ġarrha Michael Falzon u kif ġarrha dak li huwa Speaker illum, Anġlu Farrugia, meta ħareġ qatta’ bla ħabel jikkritika l-Membru tal-Ġudikatura, kieku llum il-Gvern ma jerġax jinsab f’nofs kontroversja u taħt sħaba sewda.
Mela ħa nfakkru x’hemm ħażin f’din il-kwistjoni kollha. L-ewwel nett, it-tajjeb li jagħmel Gvern qatt u qatt ma jista’ jkun raġuni biex jagħmel il-ħażin. La qabel u lanqas issa. It-tieni, li tnejn mill-aktar nies b’saħħithom fil-Gvern u allura fil-pajjiż jiftħu kumpanija f’ġurisdizzjoni dubjuża li kienet fuq il-lista s-sewda u li hija jew kienet sinonima ma’ nies li jitfgħu flushom hemm biex jevadu t-taxxa, tqajjem mistoqsijiet kbar. Għalfejn fetħuhom hemm il-kumpaniji? Għalfejn mhux xi mkien ieħor fejn hemm aktar trasparenza? Għalfejn mhux Malta stess, fejn wara kollox niftaħru tant li għandna settur finanzjarju b’saħħtu? It-tielet, li Austin Gatt kellu kont l-Iżvizzera u ma ddikjarahx kienet oxxena. Imma l-oxxenità ta’ ħaddieħor ma ttikx id-dritt tagħmel oxxenità int. Allaħares se nibdew nieħdu lil Austin Gatt bħala punt ta’ referenza għall-istandards f’dal-pajjiż! Inkunu verament erġajna wasalna minn fejn tlaqna fl-2013, f’dak li jirrigwarda governanza.
li tnejn mill-aktar nies b’saħħithom fil-Gvern u allura fil-pajjiż jiftħu kumpanija f’ġurisdizzjoni dubjuża li kienet fuq il-lista s-sewda u li hija jew kienet sinonima ma’ nies li jitfgħu flushom hemm biex jevadu t-taxxa, tqajjem mistoqsijiet kbar
Ir-raba’, il-fatt illi dawn il-kumpaniji nfetħu ftit wara li kien elett Gvern Laburista ġdid iqajjem suspetti li kien hemm l-intenzjoni minn qabel li dawn il-kumpaniji jintużaw għal skopijiet korrotti. Hemm provi ta’ korruzzjoni? Le s’issa le, m’hemmx imma suspetti hemm. Inti jekk jiġi r-raġel id-dar bil-qmis imċappsa bil-lipstick, iddawwar wiċċek in-naħa l-oħra u tgħid ‘le ta’, m’għandix biżżejjed provi li mar ma’ mara oħra żewġi, mela miskin mhux qed jaqlibhieli’? Jew se tagħmel turrun mistoqsijiet u se jkollok miljun suspett? Jiġifieri ħadd m’għandu jieħu għalih jekk kien hemm u issa hemm iktar suspetti. Veru li mitt suspett ma jagħmlux fatt, imma bir-rispett kollu min ma riedx suspetti missu fetaħ kumpanija Malta jew f’kwalunkwe post fid-dinja fejn teżisti trasparenza assoluta. Il-ħames, li dawn il-kumpaniji ma kinux iddikjarati sal-2015 meta skont is-sit tal-ICIJ Hearnville Inc kienet miftuħa f’Ġunju tal-2013, tliet xhur biss wara l-elezzjoni ġenerali u Tillgate Inc kienet infetħet xahar wara terġa’ tqajjem ħafna suspetti. Is-sitta, wara li ħarġet l-istorja ta’ 17 Black li kienet ‘target client’ ta’ Tillgate żgur, kif ammetta s-sid ta’ Tillgate, issa ħarġet oħra li sid 17 Black huwa direttur fil-kumpanija Eletrogas li bniet u qed tmexxi l-Power Station. Nafu fiċ-ċert li f’17 Black daħlu $1.4 miljun minn persuna mill-Ażerbajġan, il-pajjiż tas-Socar li mingħandha qed nixtru l-gass u $200,000 oħrajn mill-aġent lokali tal-LNG, li biha qed taħdem il-Power station il-ġdida.
Dan ma jfissrix illi naħsbu li l-proġett minnu nnifsu huwa ħażin, anzi. Lanqas qed ngħidu li ma kellux isir, anzi. Wara kollox kien l-aktar proġett importanti biex il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-2013 għax kien permezz tiegħu illi l-Gvern seta’ jraħħas il-kontijiet kif fil-fatt għamel. Imma għax proġett tajjeb u ta’ ġid ma jfissirx li huwa skużabbli li qed iqumu dawn il-mistoqsijiet kollha, wara kollox anke li kieku Tillgate u Hearnville ma kinux ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, l-istruttura kif inhi issa b’xi ħadd fiha li huwa Direttur tal-Eletrogas ukoll tqajjem ħafna mistoqsijiet.
Meta tara r-riżultati pożittivi li qed jikseb Konrad Mizzi bit-turiżmu għaddej minn rekord, ikbar minn ieħor u bis-suċċessi li qed jikseb fl-Air Malta, li qed terġa’ tqum fuq saqajha, tinduna verament kemm hu tal-biki l-fatt li dak li potenzjalment seta’ jkun l-aqwa Ministru li qatt kellha Malta, spiċċa fiċ-ċentru ta’ din it-tromba politika mimlija intriċċi u possibilità ta’ ħmieġ.
Meta jasal dak il-ġudizzju għandhom jużaw il-kejl tal-Prim Ministru stess li qabel ma ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant kien jgħid li mqar jekk ikun hemm xrara ta’ dubju li hu kellu kumpanija fil-Panama, kien jirreżenja
Huwa ċar, mis-silenzju sa issa, illi Schembri u Mizzi mhux se jirreżenjaw u ma jħossux li għandhom jirreżenjaw. Dak jarawh huma, u tkun l-istorja 10 jew 20 sena mil-lum li tgħaddi ġudizzju san dwar din il-kwistjoni kollha. Fin-nuqqas ta’ dan imma, għandhom isegwu l-parir tal-Prim Ministru stess u jistennew l-eżitu ta’ inkjesta li hemm għaddejja. Jistennewha, ma jagħmlu xejn biex itawwlu ż-żmien biex joħroġ l-eżitu u jagħtu kelma lill-poplu u speċjalment lil dawk li eleġġewhom li jibqgħu fil-pożizzjoni sakemm jasal dak il-ġudizzju.
Meta jasal dak il-ġudizzju għandhom jużaw il-kejl tal-Prim Ministru stess li qabel ma ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant kien jgħid li mqar jekk ikun hemm xrara ta’ dubju li hu kellu kumpanija fil-Panama, kien jirreżenja.
Hekk ukoll għandhom jagħmlu Schembri u Mizzi, wara kollox fil-Gvern, m’hemm ħadd fuq il-Prim Ministru (suppost!).