Titħabbar il-pubblikazzjoni tal-ktieb 'Ħajja ħielsa mid-droga. Flimkien b’għan wieħed'.

Din il-konferenza nazzjonali kienet organizzata mill-Parlament ta’ Malta u l-Ministeru għall-Familja

Illum waqt konferenza stampa, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ħabbar il-pubblikazzjoni tal-ktieb “Ħajja ħielsa mid-droga. Flimkien b’għan wieħed”.

Dan il-ktieb jiġbor l-interventi u l-kontribuzzjoni tal-kelliema li taw sehemhom tul il-konferenza nazzjonali fil-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga li saret fil-Kamra tad-Deputati t-Tlieta, 26 ta’ Ġunju 2018.

Din il-konferenza nazzjonali kienet organizzata mill-Parlament ta’ Malta u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, flimkien ma’ Caritas Malta, Fondazzjoni OASI u l-Aġenzija Sedqa.

L-Ispeaker tkellem dwar l-importanza ta’ din il-konferenza nazzjonali l-aktar fid-dawl tal-problema tal-abbuż mid-droga f’Malta u Għawdex. Għalhekk inħasset l-ħtieġa li dak kollu li ntqal tul din il-konferenza jinġabar fi ktieb bħala dokument li juri r-realtà ta’ din il-problema f’pajjiżna. Dan il-ktieb jinkludi wkoll l-esperjenzi ta’ individwi milquta minn din il-problema, oħrajn li għaddew mill-programm ta’ rijabilitazzjoni u l-fehma ta’ esperti Maltin u barranin.

Huwa faħħar l-impenn u l-ħidma ta’ dawk kollha li huma ddedikati f’ħidma ta’ għajnuna u appoġġ lil dawk milquta mill-abbuż mid-droga, f’ħidma preventiva u rijabilitattiva, b’mod partikulari, Caritas Malta, Fondazzjoni OASI u s- Sedqa. Dawn l-organizzazzjonijiet jikkolaboraw flimkien kemm fuq programmi edukattivi, preventivi u ta’ appoġġ lil dawk milquta mill-abbuż tad-droga u lill-familjari tagħhom.

L-Ispeaker faħħar ukoll l-impenn u s-sehem tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni f’ħidma sabiex jingħelbu l-problemi relatati mal-abbuż mid-droga.

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet ħadu sehem ukoll il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù.

More in Kronaka