Daħlet il-Belt bil-karozza u sparixxiet
256 każ ta’ persuni rrappurtati nieqsa mill-2008 u qatt ma nstabu. Il-maġġoranza għandhom inqas minn 20 sena u huma barranin
minn Yendrick Cioffi
L-Ispettur Joseph Busuttil mill-Vice Squad fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, irrakkonta mal-gazzetta ILLUM li wieħed mill-aktar każijiet strambi ta’ persuni rrappurtati nieqsa u li baqgħu mhux solvuti, seħħ madwar 10 snin ilu, meta tfajla daħlet il-Belt bil-karozza u “sparixxiet.”
Busuttil spjega kif kameras tas-CVA kienu rreġistraw lit-tfajla dieħla l-Belt Valletta bil-karozza iżda l-istess kameras qatt ma rreġistrawha ħierġa. La qatt instabet il-karozza u wisq inqas it-tfajla.
“Jista’ jkun hemm lista sħiħa ta’ possibilitajiet,” saħaq l-Ispettur, iżda sakemm tinstab it-tfajla, il-każ jibqa’ misteru.
Dan hu biss każ wieħed ta’ persuna li ġiet irrappurtata nieqsa u li baqgħet qatt ma nstabet. Minn statistika tal-Korp tal-Pulizija, li kisbet l-ILLUM, jirriżulta li mill-persuni rrappurtati nieqsa minn Jannar tal-2008 sal-lum, 256 persuna għadhom ma nstabux.
Minn dawn, 148 għandhom inqas minn 20 sena. 47 minnhom huma prattikament tfal, hekk kif għandhom inqas minn 15-il sena.
Anke jekk dan in-numru mhuwa xejn ħdejn il-mijiet ta’ rapporti li l-Pulizija tirċievi kull sena, dan xorta waħda jfisser li għad hemm familji jistennew l-aħbar ta’ xi ħadd għażiż għalihom li ħareġ mid-dar u baqa’ ma rritornax.
Mijiet ta’ persuni rrappurtati nieqsa kull sena…
Mal-Ispettur Busuttil tkellimna dwar jekk jaħsibx li n-numru ta’ persuni rrappurtati nieqsa f’Malta huwa kbir jew inkella allarmanti.
Meta wieħed iqabbel iċ-ċifri tal-aħħar 10 snin, l-2017 kienet l-aktar sena li fiha kien hemm rapporti ta’ persuni nieqsa b’total ta’ 949 każ. Minn dawn 17 ma nstabux.
L-2014 hija mbagħad l-aktar sena b’każijiet li għadhom pendenti. Mill-597 rapport li daħal tul din is-sena, 60 għadhom mhux solvuti. Minn dawn, 10 persuni għandhom inqas minn 15-il sena u 35 huma żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u l-20 sena.
‘Ħafna mill-każijiet ikunu jinvolvu l-istess persuni’
Anke jekk dawn in-numri jidhru kbar ħafna għal pajjiż bħal Malta, l-Ispettur saħaq li l-biċċa l-kbira tal-każi jkunu jinvolvu persuni li jkunu rrappurtati nieqsa ta’ spiss, bil-każ jissolva wara ftit sigħat.
Spjega kif ikun hemm ħafna każijiet ta’ tfajliet li jkunu resident f’istituti u li jkunu rrappurtati nieqsa mill-persuni li jieħdu ħsiebhom, għax ikunu ħarġu u jkunu qabżu bi ftit sigħat il-‘curfew,’ li jkunu ngħataw.
Qal li darba kellhom każ ta’ tfajla li kienet irrappurtata nieqsa tliet darbiet fi ftit sigħat. “Sibnieha u reġgħet ħarbet wara siegħa. Sibnieha u reġgħet ħarbet għat-tielet darba,” qal l-Ispettur.
Oħrajn ikunu każijiet aktar serji…
Iżda mbagħad ikun hemm każijiet ħafna aktar sejri. Fil-fatt, l-Ispettur Busuttil spjega kif anke jekk fajl dwar persuna nieqsa jinfetaħ wara jumejn, dan ma jfissirx li l-Pulizija toqgħod b’idha fuq żaqqa sakemm jgħaddu 48 siegħa, b’mod partikolari meta l-persuna rrappurtata nieqsa jkollha bżonn kura, jkollha kundizzjoni ta’ saħħa mentali jew inkella tkun ħalliet xi nota li tista’ tindika li l-persuna tkun lesta biex tagħmel suwiċidju.
“L-ewwel ftit sigħat jistgħu jkunu kruċjali,” saħaq l-Ispettur.
Fil-fatt, immedjatament, il-Pulizija tavża lil-linji tal-ajru, lill-operaturi tal-katamaran, tibgħat ritratti tal-persuna nieqsa fl-għases kollha u jitqassmu lin-negozji fejn tkun dehret l-aħħar, jippruvaw jitraċċawha mill-mowbajl jew inkella min xi trasferiment tal-bank u jittieħdu ħafna miżuri oħra.
“Navżaw ukoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjoni tagħna bir-rapport jibqa’ miftuħ sakemm tinstab il-persuna,” kompla jispjega l-Ispettur.
Imbagħad ikun hemm każijiet oħra ta’ persuni rrappurtati nieqsa li dawn sempliċiment ħallew Malta mingħajr ma avżaw lill-familja tagħhom.
Mhux l-ewwel darba li dawn jinstabu jgħixu f’pajjiżi oħra. F’dawn il-każi, il-Pulizija, permezz tal-awtoritajiet tal-post, tagħmel kuntatt ma’ dawn il-persuni, tassigura li jkunu tajbin, li jkunu kuntenti u anke tistaqsihom jekk ikunux iridu javżaw lill-familjari.
‘Sibnieh wara li tefa’ ritratt fuq Facebook mal-Fontana di Trevi’
L-istess statistika turi wkoll kif apparti li l-maġġoranza tal-persuni li baqgħu qatt ma nstabu huma żgħażagħ taħt l-20 sena, il-maġġoranza assoluta tagħhom huma persuni ta’ nazzjonalità barranija.
Fil-fatt, mill-258 persuna li għadhom nieqsa, 9 huma Maltin filwaqt li 212-il persuna huma barranin.
Staqsejna wkoll lill-Ispettur dwar dawn il-każi u saħaq li l-maġġoranza ta’ dawn ikunu immigranti rregolari li jkunu ħallew Malta illegalment. Madanakollu, anke f’dawn il-każi, l-Pulizija ma tistrieħx jekk il-persuna ma tinstabx u ġieli lanqas ikun hemm bżonn investigazzjoni twila u delikata.
“Darba fettili niċċekja l-profil ta’ immigrant li kien ilu ftit mhux ħażin irrappurtat nieqes. Kien għadu kif tefa’ ritratt jixrob il-birra ħdejn Fontana di Trevi,” qal l-Ispettur anke jekk insista li dan ma jkunx biżżejjed biex il-każ jingħalaq. “F’każijiet hekk ninfurmaw lill-awtoritajiet tal-post biex ikellmuh.”
U jekk persuna tkun ilha snin nieqsa?
Iżda x’jiġri minn dawk il-persuni li jkunu ilhom snin irrappurtati nieqsa? L-Ispettur wieġeb li fajl qatt ma jingħalaq sakemm persuna tinstab, anke jekk tkun ilha snin mitlufa.
Allura dan ifisser li jkun hemm il-Pulizija jfittxuhom fit-triq il-ħin kollu? Mhux il-każ, iżda l-Ispettur spjega kif minn żmien għal żmien, il-fajl ta’ dawn il-persuni jerġa’ jitla’ u l-Pulizija tara x’tista’ tagħmel, għax fi kliemu, dejjem ikunu żviluppati sistemi ġodda li jkunu jistgħu jgħinu lill-Pulizija fit-tfittxija ta’ dawn il-persuni.
“Kwalunkwe sistema ġdida, bħalma kienet is-Schengen Information System, li tista’ tgħinna nsibu persuni nieqsa, aħna se nużawha.”
Ovvjament aktar ma jgħaddu s-snin aktar issir diffiċli li persuna tinstab iżda rrakkonta kif darba sabu raġel, li kien ilu snin twal nieqes, minn gazzetti Awstraljani għax kien ġie arrestat fuq reat li wettaq.
Ħafna żgħażagħ…ftit anzjani
Apparti dawk li għandhom inqas minn 20 sena, 27 persuna li qatt ma nstabu għandhom bejn l-20 u 25 sena, 25 għandhom bejn il-25 u t-30 sena u 20 bejn it-30 u l-35 sena.
Fl-istess perjodu hemm biss 7 persuni li għadhom nieqsa u li għandhom bejn l-45 u s-70 sena.
Din is-sena, il-Pulizija ħadmet fuq 664 każ ta’ persuni rrappurtati nieqsa b’20 minnhom għadhom nieqsa. Minn dawn, tlieta huma Maltin u 17 barranin.