Filmat | Jipprova jsalva sekondi qabel waqa' seba' sulari

Il-każ seħħ dalgħodu fix-Xatt ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema

Żagħżugħ ta' 26 sena tilef ħajtu wara li waqa' seba' sulari waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħlijiet.

Il-każ seħħ dalgħodu fix-Xatt ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema.

Mill-filmat mibgħut lil din il-kamra tal-aħbarijiet, iż-żagħżugħ jidher imdendel jipprova jaqbad ma' ħabel mitfugħ minn kollega tiegħu. Minkejja kull tentattiv, iż-żagħżugħ, ftit tas-sekondi wara, waqa' għal isfel.

Iż-żagħżugħ Libjan, residenti l-Imsida, kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.

Video is unavailable at this time.

'Inaċetabbli li għad hawn min jiġi jaqa' u jqum mir-regoli'

Il-General Workers’ Union saħqet li l-filmat tal-Libjan jipprova jsalva qabel waqa’ seba’ sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni, juri b’mod ċar li għad hawn min jaħseb li r-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol “jista’ jiġi jaqa’ u jqum minnhom.”

Fi stqarrija, il-GWU saħqet li hija r-responsabbiltà ta’ min iħaddem li jassigura li l-post tax-xogħol ikun verament ħieles mir-riskji għall-ħaddiema waqt li l-ħaddiema għandhom ikunu konxji mir-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà.

“Filwaqt li turi s-sogħba tagħha għal dan l-inċident traġiku li seħħ f’Tas Sliema, il-GWU tisħaq li pajjiżna qatt ma jista’ jaċċetta li fiż-żminijiet tal-lum għad hawn ħaddiema li għadhom jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni mingħajr ebda protezzjoni jew it-tagħmir meħtieġ,” tkompli l-istqarrija. “Il-ħaddiem lanqas ma għandu jabbuża u jieħu riskji li jista’ jkollhom tmiem traġiku. 

Għalhekk, il-GWU appellat lill-ħaddiema biex jitkellmnu jekk għandhom dubju dwar ir-riskju li qed jaħdmu fih jew iħossu li ma ngħatawx it-tagħmir meħtieġ.

More in Kronaka