Raġel ta’ 24 sena, inżamm arrestat wara li fil-11 ta’ Novembru 2018 inqabad mill-Pulizija b’200 pillola ecstasy.
Illum fil-Qorti, l-akkużat deher quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mixli: b’traffikar tad-drogi, pussess ta’ droga kokaina u li wettaq reat fil-viċinanza ta’ post frekwentat miż-żagħżagħ.
Apparti minn hekk, ir-raġel kiser ordni ta’ probation li kienet imposta fuqu mill-Qorti sentejn ilu.
Ir-raġel kien ġie arrestat flimkien ma' persuna oħra fil-11 ta’ Novembru 2018. Ftit wara hu kien ingħata l-ħelsin mill-arrest. Minkejja dan, ir-raġel kien reġa' ġie arrestat wara li allegatament membru tal-familja tiegħu prova jagħmel kuntatt ma’ wieħed mix-xhieda.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Qorti rrifjutat it-talba tald-difiża għall-ħelsin mill-arrest.
L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat filwaqt li l-ispettur Jonathan Cassar mexxa l-prosekuzzjoni.