Aġġornata | Mara taqla' daqqa ta' martell mingħand il-ġara

Il-ġlieda seħħet wara nofsinhar u l-investigazzjoni għadha għaddejja...

Il-mara li spiċċat l-Emerġenza | Ritratt ippublikat bil-permess tal-familja
Il-mara li spiċċat l-Emerġenza | Ritratt ippublikat bil-permess tal-familja

Kmieni wara nofsinhar illum mara ta' 32 sena mill-Qawra sofriet minn ġrieħi f'wiċċha wara ġlieda ma' mara oħra fi Triq iċ-Ċern, il-Qawra.

Mill-ewwel informazzjoni li għandu dan is-sit jirriżulta li l-ġlieda nqalgħet waqt li l-mara kienet qed tieħu lit-tfal lura d-dar minn wara l-iskola. 

Filwaqt li kkonfermaw dan l-attakk, il-Pulizija qalu ma' dan is-sit illi l-investigazzjoni għadha għaddejja u li l-aggressur, mara ta' 33 sena, li tgħix il-Qawra kienet interrogata.

Fil-fatt, il-mara ta' 33 sena ttellgħet il-Qorti akkużata li weġġgħet gravi lill-ġara tagħha, li heddidtha u li kiser il-paċi pubblika.

Kienet akkużata wkoll li refgħet idejha fuq il-ġara tagħha u li kisret ordni ta' probation.

Fil-Qorti nstema' kif tliet ġimgħat ilu, l-istess persuna kissret il-windscreen tal-vettura tal-vittma u li jkollha xi tgħid ma' ħafna aktar persuni.

Hija ngħatat il-ħelsien mill-arrest filwaqt li nħarġet ordni ta' protezzjoni għall-vittma waqt li wissiet lill-aggressur li jekk tkellimha, teħel €7,000.

Kienet ordnata ssegwi curfew, ma tersaqx lejn San Pawl il-Baħar u tħallas €10,000 garanzija personali.

Il-mara ta' 32 sena qed tingħata l-kura fl-isptar u l-qagħda tagħha għadha mhux magħrufa.

(Ir-ritratt qed jintwera' bil-permess tal-familja tal-vittma) 

More in Kronaka