![[Aġġornat] Kuċċier iweġġa' gravi f'ħabta l-Furjana](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/habta21022025.png)
Ġorġ tal-Mużew jingħata l-premju speċjali għall-ħajja ddedikata għall-volontarjat 2018
Il-President Coleiro Preca qalet li jekk hawn xi ħaġa li bħala soċjetà rridu ngħożżu huwa l-volontarjat

minn Liam Carter

Illum, Ġorġ Agius magħruf aħjar bħala Ġorġ tal-Mużew ġie ppremjat il-premju speċjali għall-ħajja ddedikata għall-volontarjat 2018 waqt serata ġewwa l-Palazz tal-Belt Valletta.
Din is-serata ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Noel Camilleri fil-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat.
Il-President Coleiro Preca qalet li jekk hawn xi ħaġa li bħala soċjetà rridu ngħożżu, huwa l-volontarjat, għaliex mhux biss hemm is-sagrifiċċju personali tal-individwi, li mill-ħin ħieles tagħhom ikomplu jikkontribwixxu lis-soċjetà, iżda hemm ukoll is-sagrifiċċju tal-familji tagħhom. Iktar minn hekk, is-sehem tal-membri tal-volontarjat ma’ jitkejjilx għaliex il-valur tagħhom huwa kbir.
“Il-fatt li min jaħdem fil-volontarjat qiegħed jaħdem b’risq ħaddieħor hu valur ta’ eżempju kbir u li jinkoraġġixxi r-reżiljenza fis-soċjetà tagħna. Jiena nemmen ħafna li s-soċjetà Maltija hija tant b’saħħitha għax għandha diversi membri li huma mpenjati f’oqsma differenti bħala voluntiera. Fattur ieħor li fil-fehma tiegħi huwa ta’ importanza huwa l-fatt li l-volontarjat organizzat fl-għaqdiet diversi fis-soċjetà ċivili jagħmel statement qawwi ta’ ċittadinanza attiva. Jien norbot dan is-sehem mad-demokrazija tagħna, għaliex bis-saħħa tal-attiviżmu tal-voluntiera, qed insaħħu wkoll id-demokrazija parteċipattiva”, tenniet il-President.
Il-President ferħet lil kull min ġie nnominat u identifikat biex jieħu l-premju, u sellmet ukoll lil dawk il-mijiet kbar ta’ voluntiera li jaħdmu qatigħ fil-komunitajiet tagħna u li qed jagħmlu ġid kbir fil-komunitajiet tagħna, ħafna drabi fis-silenzju.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk preżenti għall-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li “aspett ieħor li żgur se jkun qed isostni lil dan is-settur huwa t-tisħiħ tal-istess liġi li tirregola lis-settur tal-volontarjat," sostna Grima.

Żied jgħid li, "fil-fatt, matul din is-sena tressqu quddiem il-Parlament l-emendi li se jsaħħu l-operat tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u taw aktar personalità legali lill-Kunsill tas-Settur tal-Volontarjat sabiex jifrex aktar il-ħidma tiegħu filwaqt li jagħti direzzjoni aktar ċara lis-settur, speċjalment fl-oqsma tal-immaniġġjar u l-ġbir ta’ fondi sabiex dan isir bl-aktar mod trasparenti u kontabbli," saħaq Grima
Fl-aħħar nett, Clifton Grima tenna l-impenn tiegħu personali kif ukoll tal-gvern li b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat se nkunu qed insostnu lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma tiegħu, liema settur huwa meqjus bħala sieħeb essenzjali fis-soċjetà li ngħixu fiha.

L-għan tal-premju nazzjonali huwa li jagħti rikonoxximent wiesa’ lis-servizzi mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, li joħloq kuxjenza dwar il-valuri eżemplari murija u jsib mudelli għal żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod aktar wiesa’, kif ukoll biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet importanti li saru f’diversi oqsma.
Il-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat 2018 intrebaħ minn Marjoe Abela għax-xogħol volontarju li tagħmel f’isem il-Malta Girl Guides. Dan il-premju jingħata lil voluntiera individwali li jkunu ikkontribwew fi kwalunkwe qasam, bħal dak soċjali, umanitarju, tas-saħħa, ekoloġiku, kulturali, edukattiv, u sportiv, fost oħrajn. Il-ħidma volontarja tissarraf f’kontribut pożittiv lejn qasam partikolari u idealment isservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.
Dan il-premju huwa kkumplimentat minn tliet premjijiet oħra li huma l-Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ li ntrebaħ minn Kyle Mifsud, il-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja li ntrebaħ minn Dr Klown, u l-premju speċjali għall-ħajja ddedikata għall-volontarjat li ntrebaħ minn Ġorġ Agius tal-Mużew.
Il-Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ jingħata lil voluntier bejn l-età ta’ 16 u 30 sena bl-istess għanijiet tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat, u l-ambitu prinċipali hu biex jippromwovi l-volontarjat fost iż-żgħażagħ.

Il-Premju għall-Organizzazzjoni tal-Volontarjat jingħata lill-organizzazzjoni volontarja li kienet importanti fis-settur li fih topera u li hija innovattiva fil-mod ta’ kif timxi kif ukoll fis-servizzi li toffri fil-komunità kif ukoll fil-mod kif tirrekluta u ssostni l-voluntiera.
Matul dan l-avveniment, li ġie ppreżentat mis-Sur Glen Chircop, il-kantant Ozzy Lino flimkien mal-Banda tal-Pulizija interpretaw diversi kanzunetti.