Ħarġu għax-xogħol u ma rritornawx…23 ħaddiem imutu fl-aħħar sitt snin
Din is-sena tilfu ħajjithom erba' ħaddiema. Mijiet oħra weġġgħu
minn Yendrick Cioffi
Kull mewta hija kerha iżda aktar u aktar meta persuna toħroġ mid-dar filgħodu għax-xogħol u ma tirritornax lura. Minn ċifri li l-Korp tal-Pulizija ġabar għall-gazzetta ILLUM, jirriżulta mill-2013 sax-xahar li għadda, 23 persuna tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol.
Fl-aħħar jiem is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema spiċċaw fiċ-ċentru tad-diskussjoni wara li xxandar filmat taż-żagħżugħ ta’ 26 sena, Akram Almshay, jissielet għal ħajtu, ftit qabel ma waqa’ seba’ sulari waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol fuq binja fl-inħawi ta’ Qui-si-Sana f’Tas-Sliema.
Iżda dan kien biss każ wieħed minn erba’ inċidenti fatali li seħħew din is-sena fuq il-post tax-xogħol.
Mill-informazzjoni miġbura għal din il-gazzetta, jirriżulta li mill-2013 ’l hawn, l-aktar sena li fiha kien hemm ħaddiema li tilfu ħajjithom waqt xogħolhom kienet is-sena 2016. B’kollox, sentejn ilu, tilfu ħajjithom tmien ħaddiema.
Is-sena li għaddiet tilfu ħajjithom erba’ ħaddiema waqt xogħolhom, filwaqt li fl-2014 u fl-2015, mietu żewġ ħaddiema.
Il-Pulizija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħtina dettalji dwar kemm kien hemm total ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul dawn is-sitt snin għax is-sistema ma tidentifikax jekk inċident ikunx seħħ fuq il-post tax-xogħol jew le.
Madanakollu, skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, 1,653 ħaddiem weġġgħu fuq il-post tax-xogħol, b’kważi nofshom isofru ġrieħi f’idejhom jew fis-swaba’.
Skont din l-istatistika, il-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti, jew 15.4% seħħew fis-settur tal-manifattura filwaqt li ftit inqas (15.1%) seħħew fl-industrija tal-kostruzzjoni. 13.7% tal-inċidenti mhux fatali seħħew fost dawk li jaħdmu fl-imħażen jew inkella fit-trasport tax-xogħol u l-prodotti.
Għalkemm ikun hemm min jargumenta u jgħid li dawk li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol x’aktarx ma jkollhomx esperjenza, l-istatistika turi li mill-1,653 ħaddiem li weġġgħu bejn Jannar u Ġunju, 463 kellhom bejn it-35 u l-44 sena. 381 kellhom bejn il-25 u t-34 sena u ftit aktar minn 300 ħaddiem kellhom ’il fuq minn 55 sena.
Anke jekk il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni sofrew xi feriti superfiċjali, jibqa’ l-fatt li 374 ħaddiem sofrew minn ġrieħi aktar serji.
L-inċidenti fatali li xxukkjaw pajjiż
Kull inċident fatali, jiġri fejn jiġri huwa ikrah, iżda jkun hemm dawk il-każi li jixxukkjaw lill-pajjiż u jqajmu diskussjoni sħiħa.
Kieku wieħed kellu jħares lura u jiftakar f’dawk il-każijiet fatali ta’ ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol, żgur li l-ewwel li jiġih f’moħħu jkun il-każ tal-bastiment Libjan, Um El Faroud.
Bla dubju, dan il-każ niżżel ismu bħala l-aktar traġedja xokkanti li seħħet f’post tax-xogħol. Kien nhar it-3 ta’ Frar tal-1995, meta fi splużjoni abbord il-bastiment, li heżżet il-Kottonera, tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema li kienu abbord it-tanker li fuqu kienu qed isiru xi xogħlijiet f’Baċir Numru 3.
Il-vittmi li tilfu ħajjithom fit-traġedja kienu George Aquilina ta’ 24 minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt Valletta, Marrio Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, Paul Seguna ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ, George Tabone ta’ 57 sena minn Ħal Qormi u Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli
Iżda ma hemmx għalfejn immorru daqshekk lura. Fl-aħħar snin kien hemm inċidenti oħrajn li baqgħu jissemmew, fosthom dak li ħasad il-ħajja ta’ Matthew Bartolo, żagħżugħ ta’ 17-il sena.
Bartolo weġġa’ u miet waqt li kien qed jaħdem f’fabbrika tal-injam f’Ħal Luqa fl-4 ta’ Ġunju tal-2015.
Dan il-każ kien wassal biex id-direttur tal-fabbrika, l-amministratur tal-fabbrika li tiġi bintu u żewġha li kien il-foreman, jittellgħu l-Qorti akkużati bl-omiċidju involontarju taż-żagħżugħ.
Ħafna jiftakru wkoll il-każ tal-Gunner Matthew Psaila li kien miet ftit jiem wara li sab ruħu f’diffikultà waqt taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Malta f'Chadwick Lakes fi Frar tal-2009.
Logutenent u Lance Bombardier kienu ttellgħu l-Qorti akkużati li b’negliġenza kkawżaw il-mewt tas-suldat żagħżugħ ta’ 19-il sena. Madanakollu, dawn kienu nħelsu mill-akkużi kollha miġjuba kontrihom, anke għax iż-żagħżugħ ma kienx infurmahom li ma kienx jaf jgħum.
L-aktar każ riċenti u każ li qajjem diskussjoni sħiħa, kien dak li seħħ fis-26 ta’ Novembru, meta Akram Almshay, waqa’ seba’ sulari waqt li kien qiegħed jiksi ħajt ta’ binja f’Tas-Sliema.
Il-każ ixxokkja lil ħafna, għax filmat kontroversjali, li kien juri liż-żagħżugħ jissielet biex isalva, kien prova tal-fatt li minkejja l-kampanji ta’ kuxjenza, għad hawn persuni li jaħdmu jew jitħaddmu mingħajr l-ebda miżuri li jħarsu s-saħħa u s-siġurtà tagħhom jew ta’ dawk li jħaddmu.
Jekk int ħaddiem, tħaddem jew inkella int ċittadin privat li beħsiebek tqabbad in-nies biex jagħmlulek xi xogħlijiet, agħti ħarsa s-sit tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, fejn issib biżżejjed tagħrif u linji gwida biex tipproteġi lilek innifsek, lill-impjegati u lill-kollegi tiegħek.