Fl-ewwel sena, minn kemm ilha li ġiet estiża għal kulħadd is-sistema tal-punti penali, il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li 164 sewwieq u sewwieqa spiċċaw bil-liċenzja sospiża.
Dan ifisser medja ta’ 13-il sewwieq jew sewwieqa kull xahar, irnexxielhom iwettqu biżżejjed kontravenzjonijiet biex ifaddlu dak li l-ebda sewwieq ma jixtieq ifaddal, jiġifieri l-famużi 12-il punt.
Iżda issa x’se jiġri minn dawn is-sewwieqa? Skont is-sistema, meta l-liċenzja tiġi rrevokata għall-ewwel darba, is-sewwieqa jintalbu jirritornaw il-liċenzja lil Transport Malta.
Din tingħata lura xaharejn mid-data li l-liċenzja tkun ġiet irrevokata, mingħajr ma jkun hemm bżonn tat-test tas-sewqan.
Jekk dawn il-persuni jerġgħu jlaqqtu t-12-il punt fi żmien tliet snin, il-liċenzja terġa’ tkun revokata u s-sewwieqa jkunu jistgħu japplikaw għal-liċenzja tas-sewqan wara xahrejn mir-revoka.
F’dan il-każ, is-sewwieqa jkollhom jerġgħu jagħmlu l-eżami tas-sewqan mill-ġdid.
Minn informazzjoni li l-gazzetta ILLUM kienet kisbet fi Frar li għadda mill-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA), kien irriżulta li l-aktar kontravenzjoni li naqset, forsi anke għax dak li jkun qed joqgħod aktar attent li ma jaqlax punti, hija dik marbuta mal-użu taċ-ċinturin tas-sigurtà. Din il-kontravenzjoni tiswa lis-sewwieqa tliet punti.
Skont l-istess informazzjoni, l-aktar kontravenzjoni komuni kienet dik marbuta mas-sewqan eċċessiv, bl-ispeed cameras jilagħbu parti importanti. Is-sewqan eċċessiv jista’ jfisser sitt punti għas-sewwieqa.
Liema huma l-kontravenzjonijiet li jġibu magħhom l-aktar punti penali?
L-aktar kontravenzjoni li għandha punti għolja assoċjati magħha hija dik magħrufa bħala hit-and-run, jiġifieri meta sewwieq li jaħbat jew jolqot lil xi ħadd jibqa’ sejjer. Każ simili jista’ jweħħlek bejn ħames u għaxar punti.
Is-sewqan perikoluż, is-sewqan mingħajr liċenzja, l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, użu ta’ earphones jew apparat ieħor li ma jħallikx tisma’ sew, il-veloċità eċċessiva u s-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, id-droga jew sustanzi oħra, għandhom l-aktar punti għolja assoċjati magħhom.
Għal dawn il-kontravenzjonijiet, is-sewwieqa jistgħu jeħlu sa massimu ta’ sitt punti.
Kontravenzjonijiet oħra jwaħħlu lis-sewwieqa inqas punti iżda jistgħu jagħmlu differenza jekk ikunu magħduda ma’ kontravenzjonijiet oħra. Fost dawn hemm penali għal min jgħabbi l-karozza aktar milli suppost, għal min iħalli l-karozza maħmuġa jew mhux fi stat tajjeb, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà u oħrajn.
Jekk int wieħed minn dawk li l-karozza tiegħek qisha diskoteka miexja oqgħod attent għax anke din hija meqjusa bħala kontravenzjoni li tista’ tweħħlek il-punti.
Is-sewwieqa, li jilħqu d-9 punti, jirċievu ittra li tinfurmahom bl-ammont ta’ punti li akkumulaw.