Se jitpoġġew 8 defibrillaturi madwar il-Belt Valletta kollha

Akatr minn terz tal-imwiet f' Malta huwa kkawżati minn kundizzjonijiet tal-qalb

Il-Belt Valletta saret l-ewwel lokalità fil-pajjiż li qegħda toffri ‘servizz mediku pubbliku’, hekk se jitpoġġew mat-tmien defibrillaturi teknikament magħrufin bħala automated external defibrillator (AED) madwar il-Belt kollha, li permezz tagħhom tista’ tingħata l-ewwel għajnuna lill-persuna milquta, għajnuna li tista’ tkun kruċjali bejn ħajja u mewt.

L-inawgurazzjoni ta’ dan is-servizz saret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.

Id-Deputat Prim Ministru qal li aktar minn terz tal-imwiet f’Malta huma kkawżati minn kundizzjonijiet tal-qalb. Intervent fil-ħin jista’ jwassal biex tkun salvata l-ħajja u huwa eżattament għal dan il-għan li jservu dawn l-AEDs, magni li apparti li jistgħu jitħaddmu faċilment minn kull individwu, huma stess jagħtu struzzjonijiet x’għandu jagħmel lil min ikun qed jużahom. Madankollu xorta waħda se tkun qed issir kampanja kif għandhom jintużaw l-AEDs. Il-pjan hu li l-AEDs jkunu installati mal-pajjiż kollu.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Malta Heart Foundation flimkien mal-Malta Resuscitation Council għas-sehem kbir tagħhom f’din l-inizjattiva filwaqt li awgura lill-pubbliku biex jinteressa ruħu fl-għarfien tat-tħaddim tal-AEDs biex b’hekk dan is-servizz ikun wieħed effettiv kemm jista’ jkun.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li jinsab ferm sodisfatt li l-Belt Valletta issa tista’ tissejjaħ ukoll Heart Friendly Capital.  Hu żied jgħid li saru ħafna attivitajiet fil-Belt matul din is-sena, is-sena dedikata għall-kultura waqt li l-belt kapitali Maltija kellha t-titlu prestiġjuż tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura; madankollu, għalkemm saru ħafna attivitajiet, Valletta 2018 ma kinetx tkun kompluta mingħajr din l-inizjattiva li biha qed titħares il-ħajja tal-bniedem.

Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm Prof Simon Attard Montalto mill-Malta Resuscitation Council u Dr Samuel Attard  mill-Malta Heart Foundation. Il-Malta Resuscitation Council u l-Malta Heart Foundation bejniethom ikkontribwew l-AEDs.

Mit-tmien AEDs s’issa ġew installati sitta, waħda ħdejn il-gabbana tal-Malta Public Transport fit-terminus tal-karozzi tal-linja tad-daħla tal-Belt; waħda f’Marsamxett ħdejn Cockney’s Restaurant; oħra ħdejn Castille Hotel; waħda ħdejn l-Ispiżerija Chemimart quddiem il-bini tal-Parlament; oħra  quddiem l-Ispiżerija Chemimart quddiem il-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika; u oħra quddiem l-Ispiżerija Empire fi triq it-Teatru l-Qadim. Iż-żewġ AEDs l-oħra li mistennija jkunu installati fil-jiem li ġejjin se jkunu waħda quddiem M&S fi Triq id-Dejqa u l-oħra fi Triq il-Merkanti quddiem is-Suq tal-Belt.

 

More in Kronaka