Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li x-xogħlijiet għall-estensjoni fiċ-ċimiterju ta’ Marija Addolorata waslu biex jibdew ukoll.
L-estensjoni tal-Addolorata se tara 2,800 qabar ġdid.
Fearne żvela dan waqt li kien qiegħed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-ċimiterju Omm tal-Ħniena fil-Mellieħa.
Intant bl-estensjoni fiċ-ċimiterju Omm tal-Ħniena fil-Mellieħa se jkun hemm 68 qabar privat ġdid kif ukoll tmien oqbra oħra li se jibqgħu tal-gvern u li se jintużaw bħala oqbra tal-komun.
Dan iċ-ċimiterju se jibqa’ taħt ir-responsabilità tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa.
Fil-ġimgħat li ġejjin, dawk kollha li kienu urew ix-xewqa li jixtru qabar f’dan iċ-ċimiterju se jkunu qed jiġu kkuntatjati biex jiġi ffirmat konvenju.