Illum fil-Qorti, raġel ta’ 41 sena li qed jiġi akkużat b’traffikar ta’ 20 kilo droga kannabis u b'tliet kilo ta' droga eroina ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Huwa kien ilu xahrejn fil-kustodja tal-Pulizija.
Ir-raġel residenti ġewwa Ħaż-Żebbuġ kien arrestat f’Diċembru li għadda mill-Pulizija tal-iskwadra tad-droga.
Huwa kien ġie osservat joħroġ minn garaxx b’xkora kbira, bil-Pulizija mill-ewwel tinterċettah. Apparti minn hekk, fi tfittxija li saret ftit mumenti wara ġewwa l-karozza tiegħu instabu wkoll mal-€6,500 fi flus kontanti.
Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5000 u garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li ġie ordnat jiffirma kuljum fl-għassa tal-Pulizija.