Raġel ġie arrestat wara li nstab li midrub ġo stabbiliment fil-Ħamrun fejn daħal biex jisraq.
Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa u nofs fi Triq id-Duka ta' Edinburgh, il-Ħamrun.
Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li r-raġel qabeż żewġ sulari għolja għal ġo l-istabbiliment iżda spiċċa biex weġġa'.
Skont il-Pulizija, malli waslu fuq il-post ma sabu xejn suspettuż iżda ftit wara semgħu ħoss ġej minn garaxx u meta ħarġu fil-bitħa sabu lir-raġel midrub.
Ir-raġel, li huwa Rumen, kellu fuqu ammont ta' flus kontanti.
Huwa ttieħed Mater Dei għall-kura fejn ir-raġel qed jinżamm arrestat għal aktar investigazzjoni.