Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta' Malta (MDA) saħqet li, l-ħaddiema kollha impjegati fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta għandhom ikollhom l-istess drittijiet u kundizzjonijiet, irrispettivament għan-nazzjonalità tagħhom u l-perjodu li se jagħmlu fuq din il-Gżira.
Fil-ġimgħat li għaddew kien irraportat li madwar 2,500 ħaddiem mit-Turkija se jinġiebu Malta bl-għan li jaħdmu fuq sensiela ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni madwar il-pajjiż.
Apparti minn hekk, l-MDA saħqet li, "l-akkomodazzjoni għal dawn il-ħaddiema għandha tkun f'livell tajjeb, f'konformità totali ma' livelli Ewropej, bis-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tad-drenaġġ," filwaqt li żiedet tgħid li huwa "d-dmir ta 'l-awtoritajiet regolatorji Maltin li jiżguraw li l-ħaddiema barranin 'importati' għal xogħolijiet speċifiċi ma jkunux qed jgħixu f'kondizzjonijiet inaċċettabbli li jagħti wkoll vantaġġ i lil kuntratturi barranin."
L-MDA qegħda titlob ukoll lill-Ministeru tal-Finanzi Edward Scicluna jiżgura li l-kuntratturi barranin se jkunu suġġetti għall-istess livell ta' tassazzjoni għal kuntratturi Maltin.