49 persuna nqatlu u minn tal-inqas 20 oħra weġġgħu wara sparaturi fuq żewġ moskej fi New Zealand.
It-terrorist, kif iddeskrivih il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison, ġibed u xandar live fuq Facebook l-attakk fuq in-nies wara li weħħel kamera mal-arma tan-nar.
Ir-raġel, li għandu madwar 30 sena, ġie arrestat u se jitressaq il-Qorti għada filgħodu u huwa magħruf bħala estremist xellugi u li kontra l-immigranti.
Sadanittant il-Pulizija qed iżomm żewġ persuni oħra li ġew arrestati fiż-żona u għadha qed tiddetermina jekk dawn kinux involuti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New Zealand, Mike Bush, saħaq li l-Pulizija qatt ma kellha informazzjoni dwar l-akkużat.
“Minn fuq ix-xeni tad-delitt ġbarna numru ta’ armi tan-nar,” qal Bush.
Intant l-awtoritajiet taw ordni lill-moskej kollha biex għalissa jagħlqu.
Min-naħa ta’ Facebook kkonfermaw li l-profili tal-akkużat kemm fuq Facebook u anke fuq Instagram ingħalqu u bħalissa qed jaħdmu biex jieqaf it-tixrid tal-filmat li xandar.